Internazzjonali

Myanmar: Jibda l-proċess ta’ Aung San Suu Kyi

Beda l-proċess tal-qorti għall-Mexxej ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, li qed tiffaċċja numru ta’ akkużi proprju erba’ xhur wara li l-Gvern elett tagħha kien twarrab mill-poter waqt kolp ta’ stat mill-Armata tal-pajjiż.

Suu Kyi qed tkun akkużata dwar il-pussess ta’ walkie-talkies li ma kenux liċenzjati u talli kisret restrizzjonijiet effettivi għal kontra l-firxa tal-Covid-19.

‘Il quddiem, hi se tkun suġġetta għal proċessi oħra li jitrattaw allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u l-ksur tal-liġi uffiċjali għaż-żamma tas-sigrieti tal-Istat.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani kkundannaw dan il-proċess u qalu li l-Ġunta militari ta’ Myanmar qed tipprova twaqqaf lil Suu Kyi – is-simbolu tad-demokrazija fil-pajjiż – milli tikkuntesta elezzjonijiet futuri fi Myanmar.

Dan meta Aung San Suu Kyi, li għandha 75 sena, ilha miżuma taħt arrest fid-dar tagħha minn dakinar ( l-Ewwel ta’ Frar) tal-kolp ta’ stat fi Myanmar.