Futbol Sport

Norman Darmanin Demajo s-suċċessur ta’ Fr. Hilary Tagliaferro fit-tmexxija tal-YFA

L-eks President tal-MFA Norman Darmanin Demajo nħatar irritorna fil-futbol lokali hekk kif inħatar President ġdid tal-Youth FA, waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret il-Ġimgħa. Darmanin Demajo se jieħu post Fr. Hilary Tagliaferro li mexxa l-assoċjazzjoni għal 39 sena sħaħ mit-twaqqif tagħha. Tagliaferro ħass li kien wasal iż-żmien li jċedi postu u għalkemm dawn l-aħħar żewġ staġuni kienu diffiċli minħabba l-Covid-19, fakkar li l-YFA baqgħet għaddejja bil-ħidma u kellha tadatta għaċ-ċirkostanzi bħalma għamlu n-nurseries.

Fid-diskors tal-għeluq, Fr. Hilary Tagliaferro rringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod kienu nvoluti fit-tmexxija tal-YFA kif ukoll dawk tan-nurseries. Hu ħeġġeġ lilhom biex ikomplu jaħdmu b’qalbhom kollha u stedinhom sabiex jikkollaboraw mat-tmexxija l-ġdida. Tagliaferro sostna li hu kuntent li Darmanin Demajo se jkompli dak li se jħalli warajh hu filwaqt li sostna li l-YFA se tibqa’ f’qalbu u se jibqa’ disponibbli għal dak li jkun hemm bżonn. Joe Cassar kien konfermat mingħajr kontestazzjoni bħala Viċi President.

Id-delegati preżenti għal-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret online, eleġġew ħames rappreżentanti f’isem in-nurseries għal żewġ staġuni. Dawn huma Joe Baldacchino (Żabbar St. Patrick), Jason Falzon (St. Andrews), Nathan McKay (Dingli Swallows), Simon Spiteri (Mtarfa) u Paul Vella (Mġarr).

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-kariga l-ġdida, Norman Darmanin Demajo  qal li jinsab motivat ħafna biex ikompli jsaħħaħ dak li beda Fr Hilary 39 sena ilu. Hu semma li se jaħdem biex il-YFA tkun aktar aċċessibbli tant li kkonferma li għall-ewwel darba l-YFA se jkollha impjegat full-time. Joe Cassar se jkollu l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv biex b’hekk il-YFA se tissoda l-ħidma tagħha man-nurseries. Fil-jiem li ġejjin jiltaqa’ l-Bord tal-YFA biex jiġu kkonfermati l-kumplament tal-karigi.