EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Spanja tiftaħ l-impenji b’konfront f’Sevilla

(Ritratt: EPA)

It-tliet darbiet rebbieħa Spanja għandhom mira ċara, dik li jiksbu t-tliet punti kontra l-Iżvezja. Il-preparazzjoni ta’ Spanja fl-aħħar jiem kienet differenti minn kull tim parteċipant minħabba l-każ pożittiv ta’ Sergio Busquets u ftit wara ta’ Diego Llorente.

Fl-aħħar żewġ partiti ta’ ħbiberija, Spanja spiċċat 0-0 kontra l-Portugall filwaqt li wara l-każijiet ta’ Covid, l-Ispanjoli kienu sfurzati jilagħbu bl-iskwadra ta’ taħt il-21 sena kontra l-Litwanja kważi ġimgħa ilu. Iż-żgħażagħ Spanjoli kisbu rebħa konvinċenti u kabbru s-serje mingħajr telfa fil-kompetizzjonijiet kollha għal tmien logħbiet.

Fl-aħħar snin, it-tim nazzjonali Spanjol naqsu li jaslu mal-aħħar timijiet fil-kompetizzjoni. Huma kienu eliminati mill-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja fl-2014, filwaqt li kienu eliminati fl-aħħar 16 fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew u fit-Tazza tad-Dinja tal-2018.

L-Iżvediżi huma wieħed mit-timijiet li ssibhom b’mod regolari f’din il-fażi iżda se jkunu qed jittamaw li jaqbżu l-gruppi wara li kienu eliminati fl-aħħar tliet parteċipazzjonijiet konsekuttivi. Minkejja li l-veteran Zlatan Ibrahimovic ma laħaqx irkupra fil-ħin, l-Iżvediżi rebħu l-aħħar ħames konfronti tagħhom. Dan iqawwi qalb il-kowċ Janne Andersson li joffru sfida denja lil tim aktar kwotat minnhom.

Fl-assenza ta’ Busquets, Luis Enrique mistenni jibda f’nofs il-grawnd b’Rodri, Thiago Alcantara u Koke, b’Pau Torres u Aymeric Laporte probabbilment ikunu l-koppja ċentrali fid-difiża. Andersson mistenni jilgħab 4-4-2. Marcus Berg u ż-żagħżugħ Alexander Isak se jiffurmaw l-attakk, b’Sebastien Larsson, Emil Forsberg u Albin Ekdal b’ċans li jibdew f’nofs il-grawnd. Victor Lindelof se jmexxi d-difiża, b’Andersson ma jistax jilgħab lil Dejan Kulusevski u Mattias Svanberg li huma pożittivi għall-Covid.