Lokali Qorti

Xhud tal-FIAU tispiċċa arrestata għal 15-il minuta wara li rrifjutat issemmi lil Keith Schembri u Adrian Hillman fil-Qorti

Rappreżentanta mill-Financial Intelligence Analysis Unit spiċċat (FIAU) għal ftit tal-ħin appartata wara li rrifjutat li ssemmi lil Keith Schembri u Adrian Hillman (ritratt) waqt li kienet qed tixhed fil-qorti. “Ma tistax tagħżel dwar xhiex tixhed,” wissietha il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech lir-rappreżentant tal-FIAU hekk kif ordnat lil marixxall tal-qorti biex jeħodha f’kustodja fuq disprezz tal-qorti.

“Jiddispjaċini għaliha, li spiċċat f’din is-sitwazzjoni, “qalet il-Maġistrat lill-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qed imexxu l-każ. Ix-xhud ġiet msejjaħ biex jixhed fil-każ kontra d-Diretturi Finanzjarji tal-kumpanija Zenith, Matthew Pace u Lorraine Falzon, li qed jiffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus relatati ma’ investigazzjonijiet dwar l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Ir-rappreżentanta tal-FIAU qalet fil-qorti li l-aġenzija kienet immultat lill-MFSP – kif qabel kienet magħrufa Zenith, is-somma ta’ € 8,750 fl-2018 għal nuqqasijiet amministrattivi wara li l-analisti nnutaw “diskrepanzi” fl-informazzjoni “bażika u ġenerika” pprovduta mill-kumpanija.

Iżda meta l-avukat difensur Mark Vassallo, iċċita ittra mibgħuta lill-kumpanija mill-FIAU,huwa talab lix-xhud biex isemmi żewġ persuni speċifiċi li magħhom l-MFSP “stabbilixxew relazzjonijiet ta’ negozju fl-2010 u l-2011”, ix-xhud irrifjutat u qalet li ma tistax tiżvela tali informazzjoni.

L-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appoġġjaw il-pożizzjoni tagħha tax-xhud, iżda l-Avukat Vassallo u l-Avukat Difensur sieħbu Edward Gatt m’għamlux l-istess. “Huma jiġu hawn biex joqgħodu jduru mal-lewża dwar dettalji fuq multa amministrattiva, biex jippruvaw jiżvijaw u jidhru sbieh għall-midja u meta nfittxu kjarifika jgħidu li ma jistgħux jiżvelaw” qal l-Avukat Edward Gatt.

Il-Maġistrat Frendo Dimech qablet ma’ dan il-punt u qalet: “Ma nistax inħalli dan u mhux l-ieħor”. Hi ddikjarat li kull min talab lill-FIAU biex din tixhed kien imbuttha f’sitwazzjoni diffiċli. Ix-xhieda jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li ma jiżvelawx informazzjoni meta jaqblu li jixhdu fil-qorti. Bix-xhud tirrifjuta bis-sħiħ li twieġeb il-mistoqsija tad-difiża, il-Maġistrat ordnatilha biex tinżamm arrestata mill-qorti.

Ir-rappreżentant tal-FIAU eventwalment tħalliet tmur lura fl-awla wara li l-avukati qablu li hija titħalla ssemmi ż-żewġ persuni bil-bibien magħluqa, iżda mhux qabel l-avukat difensur Edward Gatt identifikahom hu stess, u semmiehom bħala Keith Schembri u l-eks Direttur Maniġerjali tal-Grupp Allied Adrian Hillman. Kemm Schembri kif ukoll Hillman qed jiffaċċjaw akkużi kriminali fi qorti separata.

Hekk kif reġgħu bdew il-proċeduri, l-Avukat Gatt informa lill-qorti li kien se jippreżenta każ kostituzzjonali dwar il-kwistjoni, iżda ried li l-proċeduri kriminali kontra l-klijenti tiegħu jkomplu b’pass mgħaġġel. Referenza kostituzzjonali normalment tissospendi l-proċeduri kriminali. Bil-kalma restawrata lura, il-Maġistrat irringrazzja lill-partijiet kollha talli ħadmu malajr biex isolvu l-kwistjoni.

Fil-bidu tal-kumpilazzjoni rappreżentant ta’ Fimbank ippreżenta dokumenti lill-Qorti filwaqt li l-Avukat Mark Vassallo staqsa għall-kopja tal-inkjesta li għad trid tiġi eżebita formalment fejn qal li għandu dritt għaliha skont il-liġi. l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qablet li l-avukat għandu dritt għaliha, b’Vassallo jitlob li jingħata kopja ‘scanned’, tad-dokumenti kollha li jinsabu fl-atti tal-inkjesta.

Huwa qal li qed jitilgħu jixhdu nies meta huma għad m’għandhomx kopja tal-inkjesta u tenna li dan l-aġir qed iżomm lid-difiża milli tagħmel xogħolha kif suppost. Il-Qorti tordna tilqa’ t-talba tad-difiża sabiex ma jiġux ippreġudikati id-drittijiet tagħha.

Hawn telgħet tixhed id-Deputat Reġistratur u tippreżenta dokumenti dwar l-inkjesti f’dan il-każ. Wara, xehed l-Avukat Kenneth Camilleri li sostna li kien intalab li ssir analiżi tal-assi tal-akkużati u tal kumpanija Zenith fejn saħaq li kulħadd ikkopera biex tħejjew dawn id-dokumenti.

Wara xehed uffiċjal tal-Pulizija li ħadem fuq tfittxijiet fit-Times of Malta u residenza f’Bormla. Hu qal li hu ġibed numru ta’ ritratti li ġew ippreżentati quddiem lill-Qorti. B’kollox ġibed madwar 180 ritratt waqt it-tfittxija fit-Times of Malta u madwar 86 ritratt mir-residenza ta’ missier Keith Schembri, Alfio Schembri f’Bormla.

Uffiċjal ieħor tal-Pulizija bħal ta’ qablu esebixxa numru ta’ dokumenti b’rabta mal-każ wara li kienu saru xi tfittxijiet. Il-każ se jkompli fil-5 ta’ Lulju f’12.00 pm. L-avukati tal-AG Antoine Mifsud Bonnici, Andrea Zammit u Sean Xerri de Caro assistew lill-Ispettur Leanne Bonello.