Lokali Temp

758 siegħa ta’ xemx u aktar riħ mill-medja bejn Marzu u Mejju

Fatti interessanti dwar ir-Rebbiegħa metereoloġika

  • It-temperatura bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju varjat bejn 8 gradi Celsius u 30.9 gradi
  • Tkejlu biss 29.6mm ta’ xita
  • It-tliet xhur kellhom aktar riħ mill-medja

Mejju ġab fi tmiemha r-Rebbiegħa metereoloġika li matulha tkejlu 757.7 siegħa xemx.

Wara April pjuttost imsaħħab, matul Mejju l-gżejjer Maltin gawdew minn sema ħieles mis-sħab, bil-kopertura medja tkun ta’ 2.6 oktas minflok in-norma staġjonali ta’ 3.1 oktas. It-13-il jum ta’ Mejju kien l-aktar wieħed imdawwal bi kważi 13-il siegħa xemxin imkejlin matulu, filwaqt li l-ħames jum ta’ Mejju kien l-aktar wieħed mudlam hekk kif ix-xemx ħarġet biss għal ftit aktar minn siegħa.

Mejju ġab miegħu ukoll temp aktar sħun milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena bit-temperatura medja tal-arja kemm massima u kemm minima jaqbżu n-norma klimatika b’1.1 gradi Celsius. B’medja ta’ 19.5 gradi Celsius, it-temperatura ta wiċċ il-baħar ukoll kienet aktar sħuna kif qabżet in-norma klimatika b’1.5 gradi Celsius.

Matul l-istaġun tar-Rebbieħa, it-temperatura tal-arja varjat bejn minimu ta’ 8 gradi Celsius, li ġie rreġistrat fid-19 ta’ Marzu, u massimu ta’ 30.9 grad Celsius li ntlaħaq fis-17 ta’ Mejju.

B’kuntrast mar-Rebbiegħa tal-2020, li matulha għamlet aktar xita mill-medja, matul ir-Rebbiegħa li għaddiet tkejlu biss 29.6mm xita – jiġifieri anqas minn nofs l-ammont mistenni għall-istaġun. L-istaġun tar-Rebbiegħa fetaħ b’27.0 mm xita mkejlin f’Marzu li kien aktar xott min-norma u għalaq b’0.4mm nida mkejlin f’Mejju.