Lokali

Appell għal kuxjenza biex jieqfu l-abbużi fuq l-anzjani

Għandna d-dmir noħolqu kuxjenza dwar l-abbuż fuq l-anzjani, li hi kwistjoni li komuni ħafna għax tolqot modar 120,000 anzjan u anzjana f’pajjiżna biss.

Hekk qalet il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Anzjani Maria Fatima Deguara meta kienet qed tagħlaq konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Ġerontoloġija u l-Ġerjatrija (MAGG), li tindirizza l-isfidi ta’ saħħa u kura għall-anzjani.

Fil-konferenza, li trattat l-abbużi fuq l-anzjani fil-Jum internazzjonali biex tinħoloq kuxjenza dwar dawn l-isfidi, Maria Fatima Deguara qalet li fortunatament, il-maġġoranza tal-anzjani f’pajjiżna huma mħarsa sew mill-qraba tagħhom.

Madankollu, qed naraw li l-abbużi qed isiru aktar frekwenti fost dawn l-aktar vulnerabbli fi-soċjetà. Iżda hu ta’ tħassib kif dawn isibuha diffiċli jammettu li qed jiġu abbużati, aktarx minħabba li jistħu. Hu għalhekk, qalet, li hu diffiċli li suġġett bħal dan ikun diskuss fil-miftuħ.

Id-Deputat Nazzjonalista kompliet li għandna nindirizzaw kull tip ta’ abbuż fuq l-anzjani – kemm dawk fiżiċi, kif ukoll psikoloġiċi – li jsiru fir-residenzi personali jew anke fl-istituzzjonijiet li għandhom iħarsuhom. Qalet li aktar ma l-persuna tkun fraġli, aktar tista’ tkun suġġetta għal abbuż.

Hi appellat lill-Istat biex jipprovdi servizzi meħtieġa fil-ħin għax, jekk dan ma jsirx, jista’ wkoll ikun sors ieħor ta’ abbuż fil-konfront tal-anzjani. Dan anke meta ssib anzjani residenti fl-istituzzjonijiet, li jħossuhom huma sempliċiment numru jew agħar minhekk, ta’ piż fuq is-soċjetà.

In-nuqqas fl-ammont ta’ wlied jagħmilha diffiċli biex il-bżonnijiet tal-anzjani tagħna jkunu mħarsa minn uliedhom jew in-neputijiet stess. Għaldaqstant, anke bl-impjieg ta’ carers barranin, dawn qed isibuha diffiċli jikkomunikaw u jistgħu jħossuhom emrġinati.

Barra minhekk, għalkemm hu ta’ pjaċir għalihom, l-anzjani jafu jsibu diffikultà wkoll biex jieħdu ħsieb lin-neputijiet tagħhom meta l-ommijiet u l-missirijiet ikunu xogħol, partikolarment meta s-saħħa fiżika u mentali tagħhom ma jibqgħux ituhom. Iżda mbagħad, dawn jispiċċaw f’nofs argumenti bejn il-qraba u riżultat ta’ dan, jispiċċaw ma jitħallewx jaraw aktar lin-neputijiet.

Maria Fatima Deguara qalet li hu inkwetanti kif fil-maġġoranza tal-każi, l-anzjani jispiċċaw vittmi ta’ abbuż minn membri tal-familja jew nies li suppost jieħdu ħsiebhom. Iżda mbagħad, ħafna minn dawn jispiċċaw ma jitwemnux jew ma jittieħdux bis-serjetà għax ikollhom xi kundizzjoni ta’ saħħa li tkun qed tiddeġenera.

Għaldaqstant, id-Deputat Nazzjonalista appellat għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-postijiet minfejn l-anzjani jingħataw il-kura, kif ukoll li kull rapport li jagħmlu l-anzjani jittieħed bis-serjetà. Dan hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija ggravat is-sitwazzjoni, b’żieda fl-ansjetà u s-solitudni.

U filwaqt li għandu jkun faċli għall-anzjani jirrappurtaw abbużi fil-konfront tagħhom, fosthom bl-użu ta’ helpline immexxi minn professjonisti fis-settur, għandu jkun hemm ukoll servizz ta’ appoġġ għalmin iwettaq l-abbuż.

Hi għalqet billi kkwotat lill-awtur Russu li, aktar minn 100 sena ilu, tenna li r-rispett inħoloq biex jimla’ l-ispazju vojt fejn suppost ikun hemm l-imħabba.