Sport Waterpolo

Birżebbuġa u Otters eliminati mill-Enemed Cup fir-ritorn tal-waterpolo tal-irġiel

Paul Privitera ta' Marsaskala jipprova xutt lejn il-lasta ta' Birżebbuġa

Rapport: Stewart Said

Il-waterpolo lokali tal-irġiel irritorna wara nuqqas ta’ kważi tliet xhur u nofs hekk kif tkompliet l-Enemed Cup, l-istess kompetizzjoni li waqqfet meta reġgħu żdiedu l-miżuri b’rabta mal-Covid-19. Il-format tal-kompetizzjoni hu differenti minn tal-aħħar snin, hekk kif biex tim ikun eliminat irid jitlef żewġ logħbiet fil-kompetizzjoni. Marsaxlokk Brown’s Pharma kienu l-ewwel tim eliminat u llum żdiedu magħhom Otters Nivea u Birżebbuġa Freeport.

OTTERS NIVEA……………… 1

SAN ĠILJAN MERCURY… 26

(0-10), (0-6), (0-5), (1-5)

San Ġiljan għamlu massakru minn Otters b’rebħa dominanti ta’ 26-1. L-iskor finali jitkellem waħdu, logħba mingħajr storja, San Ġiljan iddominaw anki jekk straħu l-plejers regolari għal xi ħinijiet.

Nofs il-gowls tal-ewwel sessjoni ġew skorjati minn tripletta ta’ Dino Zammit u doppjetta ta’ Mattias Ortoleva. Il-captain Matthew Zammit u Dino Zammit skorjaw doppjetta kull wieħed fit-tieni sessjoni hekk kif l-iskor mhux biss kiber għal 16-0 iżda l-gowlkiper Ġiljaniż Jake Tanti rari kien impenjat fil-lasta.

It-tim immexxi minn Dorian Pisani baqa’ jikkontrolla mingħajr diffikultà u kompla żied il-vantaġġ, b’Matthew Zammit jiskorja doppjetta flimkien mal-gowls ta’ Darren Zammit, Dino Zammit u Daniel Fero. L-uniku konsolazzjoni għal Otters kien li anqas minn żewġ minuti għal tmiem il-logħba, irnexxielhom jevitaw logħba sħiħa mingħajr ma jiskorjaw, b’gowl ta’ Luke Hyzler.

Otters: M. Xerri, M. Lanzon, L. Hyzler (1), E. Meli, L. Gialanze, K. Scicluna, G. Mizzi, D. Dimech, O. Zammit, Z. Bartolo, S. Xerri, D. Spiteri

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra (3), A. Galea (1), D. Ferro (1), R. Caruana, M. Zammit (6), M. Ortoleva (2), J. Bonavia (1), B. Plumpton (3), Da. Zammit (1), K. Galea, Di. Zammit (8), G. Vassallo, D. Ciantar

Referees: Richard Magri, Peter Balzan

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………… 5

MARSASKALA FISH AND FISH….. 6

(2-2), (1-1), (1-2), (1-1)

Logħba missielta li fiha t-tim tellief kien se jħossu li kien sfortunat, iżda l-fatt li Marsaskala qatt ma kienu minn taħt, jista’ jfisser li finalment kien ħaqqhom ir-rebħa.

Marsaskala kisbu l-vantaġġ f’żewġ okkażjonijiet matul l-ewwel sessjoni iżda Birżebbuġa wieġbu permezz ta’ Christian Mifsud u Russell Spiteri rispettivament. It-tim ta’ Arpad Babay reġa’ mar minn fuq permezz ta’ Mark Carani iżda reġa’ kien Mifsud li għamel l-iskor 3-3. Għall-ewwel darba fil-konfront, Marsaskala ħadu żewġ gowls vantaġġ minn Carani u Stephen Micallef. Iż-żewġ timijiet fallew penalty iżda Birżebbuġa naqqsu d-distakk b’gowl tal-veteran David Cutajar.

Il-logħba żammet l-istess ritmu, biż-żewġ timijiet joqogħdu attenti li ma jikkonċedux. Neil Cassar ġab id-draw minn azzjoni ta’ superjorità numerika. Il-mument deċiżiv seħħ madwar żewġ minuti mit-tmiem. Man-up għal Marsaskala wara li tkeċċa temporanjament David Pace Lupi. Il-kowċ Arpad Babay sejjaħ time-out u mill-azzjoni sussegwenti kien Luca Felice li skorja l-gowl deċiżiv.

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia, N. Cassar (1), D. Pace Lupi, C. Mifsud (2), P. Serracino, S. Vassallo, D. Cutajar (1), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri (1), S. Fava, L. Abela, B. Grech, G. Sammut

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, P. Privitera, G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro (1), M. Manara, S. Micallef (1), L. Felice (1), J. Ciantar, M. Carani (2), A. Muscat, J.L. Galea, D. Camilleri

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

Għada

Sliema v Exiles               6.30pm

Neptunes v Valletta       7.35pm