Internazzjonali

Covid-19: Boris Johnson jinsisti li l-Ingilterra se tiftaħ ‘totalment’ f’Lulju wara xhur ta’ lockdown

epa08370818 An ambulance passes a thankful message to Britain's National Health Service (NHS) in Camden Town in London, Britain, 18 April 2020. The Camden Markets are the fourth-most popular visitor attraction in London, attracting approximately 250,000 people each week. Countries around the world are taking increased measures to stem the widespread of the SARS-CoV-2 coronavirus which causes the Covid-19 disease. EPA-EFE/NEIL HALL

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit,Boris Johnson, hu determinat li r-restrizzjonijiet li fadal għal kontra l-coronavirus għandhom jitneħħew ‘skont il-pjan’ fid-19 ta’ Lulju. Dan minkejja t-tħassib li żieda fl-imwiet, b’kaġun tal-varjanti tal-virus li qed jiċċirkolaw, kapaċi tisforza bidla oħra fil-pjani u l-iskemi tal-Gvern.

Intant, Johnson ikkonferma li l-miżuri tas-sigurtà għandhom jibqgħu f’posthom sad-data speċifika minħabba l-firxa tal-varjant Indjan tal-virus magħruf ukoll bħala ‘Delta’. Il-bidla fil-pjan oriġinali kienet mistennija meta qabel kien ippjanat biex l-Ingilterra tiftaħ kompletament ‘għall-ħajja normali’ mill-21 ta’ Ġunju.

Minkejja li dan it-tragward ma ntlaħaqx, il-programmi tal-vaċċin għadhom qed juru progress u l-Kapijiet tan-National Health Service (NHS) fl-Ingilterra qalu li l-adulti kollha se jkunu jistgħu jibbukkjaw tilqima sal-aħħar tal-ġimgħa.

Sir Simon Stevens, il-Kap Eżekuttiv tal-NHS England, qal li s-servizzi tas-saħħa se ‘jikkonkludu l-impenji’ relatati mal-programmi tat-tilqim fl-erba’ ġimgħat li ġejjin u fejn hu ttamat li l-kampanja kontra l-virus tilħaq l-aktar livell effettiv fuq bażi nazzjonali.

Hu qed jistenna li ċ-ċittadini kollha li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena jilħqu jagħmlu appuntament għat-tilqima sal-aħħar tal-ġimgħa. Dan meta l-NHS qed jaħseb biex joffri t-tieni doża lil żewġ-terzi tal-adulti Britanniċi sad-19 ta’ Lulju.

Sadanittant, xi deputati parlamentari tal-Partit Konservattiv fil-Gvern qed jinkwetaw li t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet jistgħu ‘xorta waħda’ jaqgħu lura għal wara d-19 ta’ Lulju. Ma naqsux ukoll it-twissijiet li l-pajjiż kapaċi jirritorna għal sitwazzjoni li fiha jkunu reġistrati l-mijiet tal-imwiet kuljum b’kaġun tal-Covid.

L-Ingilterra, madankollu, xorta qed taħseb biex tneħħi ftit restrizzjonijiet fil-21 ta’ Ġunju, fosthom il-limitu impost fuq il-mistednin għal tiġijiet.

Dan meta numru ta’ avvenimenti – magħrufa bħala pilot events – se jsiru skont il-programm, fosthom xi logħob tal-futbol tal-Euro 2020; il-kampjonati tat-tennis ta’ Wimbledon flimkien ma’ wirjiet tal-arti għall-pubblliku u xi kunċerti mużikali. In-nies li jattendu għal dawn l-avvenimenti jkunu jridu juru l-provi li ngħataw it-tilqima kontra l-virus inkella jipprovdu dokumentazzjoni ta’ ‘negative test’.

Fl-istess ħin, il-Professur Graham Medley, membru tas-Scientific Advisory Group for Emergencies (Sage), qal li l-ammonti tan-nies li qed imutu bil-coronavirus għandhom jitilgħu ‘il quddiem waqt li ma jeskludix għal sitwazzjoni fejn il-Gvern ‘ikollu jieħu azzjoni li ma jridx’ fiċ-ċirkustanzi fejn jiżdiedu l-pazjenti li jeħteġu jiddaħħlu l-isptar għall-kura.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Adam Finn, membru tal- Joint Committee on Vaccination and Immunisation (JCVI), faħħar id-deċiżjoni biex l-Ingilterra tipposponi l-ftuħ totali għas-setturi kollha tas-soċjetà waqt li esprima tama li l-ġimgħat tar-restrizzjonijiet addizzjonali jkunu biżżejjed ‘għas-serħan il-moħħ ta’ kulħadd’.

Meta tkellem fuq il-programm tal-BBC Breakfast, Adam Finn qal li hemm ‘provi mill-aktar inkoraġġanti’ li r-rollout tal-vaċċini qed inaqqas dejjem aktar l-inċidenza ta’ infezzjonijiet serji u li aktar ma jitlaqqmu nies aktar l-Ingilterra għandha toħroġ malajr mill-mewġa tal-virus attwali.