Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jinvesti fi programmi edukattivi dwar il-periklu mid-droga

Maria Deguara, PN

Il-Gvern għandu jinvesti f’iktar programmi edukattivi li jgħallmu u jiggwidaw liż-żagħżagħ tagħna dwar il-perikli ta’ użu ta’ mediċini perikolużi li jagħmlu ħsara u jwasslu għal dipendenza.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet fil-parlament li kien ilu żmien li bdiet tinħass il-ħtieġa li din il-liġi tiġi aġġornata għaliex numru ta’ provedimenti bil-mod il-mod kienu qed ikunu bħal xabla fuq dawk li kienu jabbużaw anke minn ammonti żgħar u li l-pieni kienu qed ikunu ħarxa wisq, saħansitra f’dawk il-każi li ma kienx jixirqilhom miżuri drakonjani stipulati fil-liġi.

Dan l-abbozz bir-raġun se jagħmel distinzjoni bejn dawk li llum jitqiesu aktar bħala vittmi milli kriminali meta jabbużaw minn mediċini jew sustanzi perikolużi u hu wkoll xhieda ċara tal-bidla radikali ta’ kif is-soċjetà qed tevolvi għax saret tħares lejn persuni li jabbużaw minn mediċini perikolużi minn aspett differenti.

Maria Deguara qalet li sirna inqisu dawk li jabbużaw minn konsum ta’ medicini perikolużi aktar bħala vittmi tal-kriminali milli inqisuhom bħala kriminali huma stess. Għalhekk inħass il-bżonn li niddistingwu bejn dawk li jabbużaw għall-użu personali u oħrajn li jmexxu mediċini perikolużi għall-profitt finanzjarju.

Kollha kemm aħna nemmnu li għandna nagħmlu ħilitna biex ngħinu lil dawk kollha li għal raġuni jew oħra jinħtieġu jerġu lura għat-triq it-tajba. Il-prinċipju fundamentali quddiem il-liġi hu li kull persuna hi meqjusa innoċenti sakemm ma jitressqux l-provi li jinkriminawha.

Illum is-soċjetà indunat li jkun aktar għaqli u produttiv meta minflok tittimbra persuna li tikser il-liġi bħala kriminal u tikkundannha qabel iż-żmien, tħares lejn iċ-ċirkustanzi li waslietha biex ixxellef dufrejha mal-liġi. Fost dawn hemm persuni li jabbużaw minn mediċini perikolużi li għandna nħarsu lejhom aktar bħala pazjenti milli bħala sempliċi kriminali.

Maria Deguara qalet li llum nemmnu li l-prevenzjoni hija ħafna aħjar mil-kura. Lil dawk li diġà waqgħu fil-vizzju huwa dmir tal-Istat u s-soċjetà li tipprovdilhom l-mezzi u l-għodda kollha li għandhom bżonn biex jerġgħu lura għat triq it-tajba. Jekk il-persuna li ngħatat l-għajnuna kollha meħtieġa tibqa’ tippersisti fil-ħażin allura l-qrati jew il-Bord tar-Riabilitazjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga ma’ jibqalhomx alternattiva ħlief li jagħtu xi forma ta’ kastig.

L-emendi jipproponu tnaqqis ta’ pieni skond iċ-ċirkustanża u s-serjetà tal-każ. Qed jiġi propost ukoll, li s-smiegħ ta’ dawn il-każi għandu jsir bil-magħluq. L-magistrat jkun jista’ jisma’ x-xhieda ġuramentata u jkun jista’ jqies iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ qabel ma jiddeċiedi l-piena.

Fost dawn, żgur li jkun tajjeb li jqis ix-xorta ta’ mediċina kif ukoll il-persuna involuta, il-kondotta u kemm in-numru u n-natura ta’ kull kundanna li l-persuna kellha qabel. Importanti jiġi stabbilit b’ċertezza jekk min qed jitressaq kienx se jikkonsma l-mediċina waħdu jew ma oħrajn jew kienx ser jagħmel profitt minnha. Il-każ ikun aktar ta’ serjetà jekk jiġi ppruvat li l-persuna kienet involuta fit-traffikar tagħha.

Anki fejn ix-xhieda tal-imputat ma twassalx għal identifikazzjoni definita ta’ min iforni dawn il-mediċini perikolużi bi ksur tal-liġi, l-imputat ma jiġix penalizzat. Dawn il-konsiderazjonijiet ikunu fundamentali biex il-maġistrat jkun f’pożizzjoni li jagħti sentenza xierqa għas-serjetà tal-każ. Fis-sentenza importanti li l-maġistrat jiżen fattur importanti ieħor, dak tar-riabilitazzjoni kif disponibbli taħt l-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga fejn jiġi msemmi it-trattament u mhux pruġunerija.

Emendi oħra li jissemmew f’dan l-Abbozz jaffermaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Bord dwar ir-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga. Jipprovdi mezz legali għall-possibilità ta’ reviżjoni mill-qrati riferuti ta’ deċiżjonijiet ta’ dan l-istess Bord.

It-tagħlim għandu jibda sa minn età żgħira għax ma nkun qed nikxef l-ebda sigriet meta ngħid li f’pajjiżna għandna tfal ta’ madwar 12- il sena li diġa’ huma dipendenti fuq xi mediċina perikoluża. Għandna ninvestu iżjed fl-isports ħalli ħafna iżjed żagħżagħ ikollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom, speċjalment wara xogħol, wara l-iskola u tul il-vaganzi. L-isports hu mezz kif iż-żagħżagħ jissoċjalizzaw fil-komunità u meta jikkompetu bejniethom tidħol sens ta’ kompetizzjoni pożittiva.

Prevenzjoni tajba u tagħlim huma nvestiment għal pajjiżna u garanzija ta’ nazzjon b’saħħtu. Dan, barra li tnaqqas mill-periklu ta’ persuni li jispiċċaw skjavi ta’ kriminali li jfornihom b’sustanzi illegali. Is-soċjetà jeħtieġ li turi aktar empatija ma’ persuni li jinqabdu f’din ix-xibka. Lil dawn irridu nifhmuhom, nappoġġjawhom u ngħinuhom f’dak kollu li għandhom bżonn biex jerġgħu lura u jħossuhom għal darba oħra membri attivi tal-komunità.

B’dawn l-emendi l-Istat qed juri r-rieda t-tajba, li qed jifhem il-problema tagħhom u li hu nteressat li jgħinhom. Għalhekk li l-Istat għandu jinvesti aktar bil-qawwi milli diġà għamel. Jeħtieġu aktar professjonisti f’dan il-qasam biex jgħinu lil dawk li għandhom bżonn. Għandu jipprovdi iżjed postijiet b’ambjent sigur fejn min ikollu bżonn jidħol għal programm jkun jista’ jagħmel dan mingħajr telf ta’ żmien għax kull jum ta’ stennija tfisser jum ieħor mitluf minn ħajjithom.