Lokali

“Il-Gvern m’għandux viżjoni ċara għall-professjoni legali”- PN

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) jinsab imħasseb bil-fatt li bħal donnu l-Gvern m’għandu ebda viżjoni ċara għall-professjoni legali tant li provedimenti tal-liġi li daħlu fis-seħħ f’April 2021 issa qegħdin jiġu proposti sabiex jitħassru.

L-FPPN itenni li gvern serju għandu jkollu roadmap u viżjoni ċara għall-professjoni legali u għall-ġustizzja f’pajjiżna. Aktar u aktar meta pajjiżna kien suġġett ta’ numru konsiderevoli ta’ rapporti internazzjonali kritiċi dwar il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.

L-FPPN huwa wkoll mħasseb bid-deċiżjoni tal-gvern li jdgħajjef l-importanza tal-warrant ta’ Avukat fir-Repubblika ta’ Malta u li joħloq sitwazzjoni fejn parir legali jkun jista’ jingħata minn persuna li m’għandux warrant. L-FPPN huwa mħasseb ukoll bid-deċiżjoni li jiġi mdgħajjef ir-rwol tal-Kumitat għall-avukati u prokuraturi legali.

L-FPPN jittama li dan id-dibattitu ma’ jsirx xi logħba politika u jappella bl-akbar sinċeritá lill-Gvern sabiex jagħti każ tal-kritika kostruttiva tal-Kamra ta’ l-Avukati. M’hemm eda lok ta’ arroganza jew suppervja f’dan il-każ għaliex il-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm gravi.