Lokali

Il-Ministru tal-Ambjent kuntent bl-andament fit-toroq ta’ pajjiżna

Il-Ministru Miriam Dalli qed tibqa tiddefendi l-fatt li mill-2017 sal-lum, il-Gvern Laburista uża biss terz tal-enerġija pprovdut mill-Interconnector…minkejja li dan preżentament huwa l-orħos u l-aktar sors ta’ enerġija nadif għal pajjiżna.

Il-konsum mill-interconnector, proġett xprunat minn Gvern Nazzjonalista, f’temp ta’ tlett snin u nofs minn meta l-Gvern Laburista rabat lill-pajjiż bil-kuntratt tal-Electrogas naqas minn 78% fl-2017…għal 35% fl-2019 …għal 25% fl-2021. Iżda skont Miriam Dalli min iqabbel dawn iċ-ċifri m’għandux idea kif jaħdem is-settur…filwaqt li fl-ebda hin ma tat spjegazzjoni ghaliex il-Gvern qed jonqos b’dan il-mod.

Aktar kmieni din il-ġimgħa il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija Ryan Callus spjega bir-reqqa l-impatt negattiv li kellu l-impjant tal-Electrogas fuq l-interconnector.

Net News staqsa wkoll lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia jekk il-konsum mill-interconnector hux se jiżdied…iżda wara li tul il-jum tat-Tlieta ħarab mid-domanda…din id-darba farfara fuq Miriam Dalli.

B’dan id-diskors il-Ministri responsabbli minn dan il-qasam tal-Enerġija u l-Ambjent huma kommessi li l-poplu Malti jibqa jħallas aktar miljuni ta’ ewro f’kontijiet tad-dawl u l-ilma….b’sors li mhux l-orħos għal but tal-Maltin u l-Għawdxin.

Mistoqsija jekk taqbilx mal-ftehim tal-Electrogas li daħħal lill-pajjiż fih il-Gvern Laburista, ftehim mifni b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni ….Miriam Dalli kompliet tiddefendi ankè dan id-deal.

Dan kollu intqal wara konferenza tal-aħbarijiet fejn ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika sabiex jitnaqqas it-tniġġis fl-arja fil-Gżejjer Maltin – obbligazzjoni imposta bi ftehim mal-bqija tal-pajjiżi dinjija kemm fil-ftehim ta’ Pariġi flimkien mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea u man-Nazzjonijiet Uniti; miri li jridu jintlaħqu sal-2050…fosthom li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’19%.

Fost id-diversi wegħdiet, hemm li sa 9 snin oħra il-vetturi elettriċi fit-toroq Maltin jiżdiedu sa 65,000 – wiegħda li l-poplu Malti u Għawdxi ilu jisma’. Madanakollu, sa Marzu 2021 dawn il-vetturi kienu jlaħqu biss ftit aktar minn 6,900.

Dan kollu jikkontrasta ferm ma’ dak li qed naraw preżentament madwarna f’pajjiżna….b’appell wieħed wara l-ieħor minn bosta entitajiet non governattivi sabiex il-Gvern Laburista ma jibqax għaddej romblu minn fuq l-ambjent Malti għad-detriment tal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan filwaqt li sal-lum hawn aktar minn 120 proġett li qed jinħadem f’daqqa…bil-konsegwenza li inevitabilment tiżdied il-konġestjoni tat-traffiku u agħar minn hekk it-tniġġis fl-arja.

Iżda b’dan kollu ….il-Ministru tal-Ambjent….jidher illi jinsab komdu.