Lokali Qorti

“Il-Pulizija ma tikkmandax lis-suldati” – suldat mixli li waddab ir-ramel f’għajnejn Kuntistabbli

“Il-Pulizija ma tikkmandax lis-suldati. Il-liġijiet nafhom u tridu tgħidilu għaliex tridu d-dettalji tiegħi.” Skond il-Pulizija din kienet ir-reazzjoni ta’ Cleaveon Scicluna, suldat ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar li fil-25 ta’ April li għadda kien kien arrestat wara li allegatament ħebb għall-pulizija waqt spezzjonijiet b’rabta ma’ ksur ta’ regolamenti tal-COVID-19.

F’seduta li saret quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħareġ li kuntistabbli tal-Pulizija spiċċa biex qala’ daqqa ta’ xugament mingħand Scicluna u spiċċa mimli ramel minn rasu sa saqajh u wara li ttieħed fiċ-ċentru tas-Saħħa fil-Mosta, intbagħat l-isptar Mater Dei wara li sarlu eżaminazzjoni f’għajnejh minħabba l-kwantità ta’ ramel li kellu.

Kien għall-ħabta tas-6.30pm, li l-Pulizija mill-Environmental Protection Unit (EPU) kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fl-inħawi tal-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, fejn innutaw grupp ta’ sitt persuni miġburin ħdejn xulxin fuq il-bajja, fejn spjegawlhom li ma jistgħux ikunu fi grupp ta’ aktar minn żewġ persuni.

Skont il-Kuntistabbli Italo Mizzi, li spiċċa ferut f’ġħajnejh u s-Surġent Clinton Theuma daw marru jitkellmu mal-persuni involuti li kkoperaw magħhom, filwaqt li l-akkużat beda jirrifjuta jagħti d-dettalji tiegħu u ma obdiex l-ordnijiet mgħotija lilu sabiex ma jibqax fi grupp, u anke sabiex jobdi r-regoli ta’ distanza soċjali imposti minħabba il-pandemija.

Wara ftit ħin il-ġuvni qabad xugaman li kien mimli ramel u xejjru fid-direzzjoni tal-pulizija. Wieħed minnhom intlaqat direttament f’wiċċu, bil-konsegwenza li Pulizija minnhom spiċċa bir-ramel f’għajnejh. Wara li mar f’Ċentru tas-Saħħa għal kura, huwa ġie riferut għall-Isptar Mater Dei għal iktar assistenza medika, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.

Is-Surġent Clinton Theuma qal li l-kollega tiegħu Mizzi beda jgħajjat bl-uġiegħ u li wara li seħħ dan kollu huma mmanettjaw lill-akkużat. Tenna li kien hemm xi persuni li kienu fil-bajja li offrew lill-Pulizija l-għajnuna tagħhom u li kien hemm ħaddiem tar-ristorant Munchies li hemm fil-bajja li wkoll daħħal lill-kuntistabbli  midrub ġewwa biex jagħtih l-għajnuna. Fil-fatt dan beda jxarrab wiċċ Mizzi.

Is-Surġent ċaħad meta mistoqsi mill-Avukat ta’ Scicluna li huwa kien agressiv mal-akkużat u li għamel xogħolu ta’ Pulizija. Qal ukoll li mhux minnu li l-akkużat kien rieqed meta huma waslu fuq il-post u li kien rikonoxibbli minħabba li kien liebes l-uniformi bħal ma kienu lebisn il-kollegi tiegħu li marru fil-bajja.

Il-Maġistrat Frendo Dimech intervjeniet u qalet li meta l-Pulizija tagħti ordni, din trid tiġi obduta u jekk wieħed jaħseb li ma kienx trattat sew mill-forzi tal-ordni jaf x’għandu jagħmel. Il-Kuntistabbli Mizzi qal li kif niżel fil-bajja ma’ sħabu nnota li kien hemm gruppi kbar ta’ nies u fosthom grupp ta’ sitta bix-xugamani mal-art.

Tenna li għall-ewwel l-akkużat ma riedx jagħti d-dettalji tiegħu u beda jipprotesta, iżda wara deher li kien qed jikkopera. Sa dak il-hin kollox kien sew u fil-fatt hu mar iħarrek ir-raba persuna tal-istess grupp. Tenna li ma kienx ambjent tajjeb, kien qiesu f’kelma waħda party. “F’ħin minnhom Scicluna beda jiġi ħdejna u bdejna ngħidulu biex iżomm id-distanza, u s-Surġent ukoll avżah iżda baqa’ jinsisti” qal ix-xhud.

Is-sitwazzjoni skalat u ħass daqqa fuq wiċċu u spiċċu kollu ramel minn rasu sa saqajh. Ma kienx jaf x’qed jiġri u kien hemm mara li offrietlu flixkun ilma u tar-ristorant għenu ukoll. Taċ-Ċentru tas-Saħħa ippruvaw inaddfulu għajnejh li kellha wkoll xi brix u għalhekk kien referut għall-isptar. Il-każ ikompli fid-29 ta’ Settembru li ġej. Għal Scicluna deheru l-Avukati Veronika Spiteri u Noel Bezzina.