Lokali

Kollox jindika li l-Gvern ta’ Abela mhux se jagħti lura l-flus misruqin mill-kontijiet

Issa għandna l-konferma mill-Gvern ta’ Robert Abela li mhux se jkun qed iħallas il-€50 miljun li nsterqu lill-Maltin u l-Għawdxin fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Din il-konferma waslet mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana – li sa ftit ilu kien ukoll iċ-Chief of Staff ta’ Robert Abela nnifsu f’Kastilja – li meta mistoqsi minn NET News inħeba wara l-iskuża li l-ħlas lura lill-poplu mhux sostenibbli għax l-ekonomija qalgħet daqqa ta’ ħarta kawża tal-pandemija.

Iżda minkejja li l-Ministru tal-Finanzi ta x’jifhem li m’hemmx flus fil-Kaxxa ta’ Malta biex issir ġustizzja mal-Maltin u l-Għawdxin li ilhom tmien snin jinsterqu, hu xorta għadu qed jawtorizzza l-ħlas ta’ eluf ta’ ewro lil persuni qrib ħafna tal-Gvern Laburista minn żmien Joseph Muscat.

Fosthom dak li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern fi żmien Muscat, Kurt Farrugia, li qed jitħallas €500 kuljum bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, u l-preżentatur fuq il-media Laburista Karl Stagno Navarra, li qed jitħallas €40,000 fis-sena biex ikun il-Kelliem tal-Air Malta.

Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat innifsu, fil-jiem li għaddew, sar magħruf li tħallas €120,000 biex jitlaq bil-kwiet mill-politika wara l-iskandli li ħakmu lill-Gvern tiegħu fis-snin ta’ qabel. Fl-istess waqt, il-Ministru tal-Finanzi għadu qed japprova wkoll il-ħlas ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena lil Steward biex tieħu tliet sptarijiet pubbliċi mingħajr l-ebda gwadann għall-poplu.

Min-naħa tagħha, minflok ma ppruvat isserraħ ras l-Għawdxin u n-negozjanti fil-gżira li mill-aktar fis se jingħataw il-flus li nsterqulhom fil-kontijiet, il-Ministru Għawdxija Justyne Caruana dawret it-tweġiba tagħha f’messaġġ politiku b’ringrazzjament għall-għotja li l-Għawdxin taw lill-Partit Laburista fil-ġabra tal-flus li saret il-Ħadd li għadda.

Clyde Caruana u Justyne Caruana ntagħżlu fil-Kabinett minn Robert Abela nnifsu, f’konferma ta’ kemm huma nies qrib sew tal-Prim Ministru. Iżda issa, dawn qed jikkonfermaw li l-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum mill-Maltin u l-Għawdxin, tant li m’għandhomx ħsieb jaraw kif se jagħmlu tajjeb għas-serq fil-kontijiet.