Lokali

In-nuqqas ta’ pjanar hi l-ordni tal-ġurnata għall-Gvern fejn tidħol infrastruttura – PN

Matul dawn l-aħħar snin, dejjem kien ċar li l-gvern m’għandux pjan fit-tul fejn tidħol l-infrastruttura ta’ pajjizna, iżda jaħseb biss mil-lum għal għada.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Infrastruttura Toni Bezzina, il-Partit Nazzjonalista qal li bħalma qed naraw fin-nuqqas ta’ kordinazzjoni fil-proġetti infrastrutturali li qed isiru fil-pajjiż, li qed jirriżulta f’konġestjoni kbira fit-traffiku, issa qed naraw l-istess fis-sitwazzjoni ta’ stagħġnar li l-gvern ġab b’idejh stess fejn jidħol r-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) nnotifikat lil Infrastructure Malta li l-kuntratturi kollha waqqfu ix-xogħolijiet kollha fit-toroq minħabba nuqqas ta’ spazju biex jintrema skart ta’ kostruzzjoni. Dan qiegħed jirriżulta fi ffriżar komplut ta’ xogħolijiet infrastrutturali u għaldaqstant aktar inkonvenjent għar-residenti li jgħixu f’toroq maqlugħin.

Il-Partit Nazzjonalista qal li, lil hin minn hekk, din is-sitwazzjoni qegħda twassal għal tħassib kbir fost kull min jaqla x’jiekol minn din l-industrija, għaliex il-gvern mhux jipprovdi soluzzjoni biex dawn ikunu jistghu jkomplu b’xogħolhom.