Lokali Parlament

Jeħtieġ faċilità ta’ riabilitazzjoni għaż-żgħażagħ bi problema ta’ droga

Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella biex tinħoloq faċilità partikolari għaż-żgħażagħ li jkollhom problemi ta’ droga biex jirriabilitaw minn din il-problema.

Dalgħodu fil-parlament Claudio Grech qal li l-prinċipju hu d-droga tagħmel il-ħsara u li s-soċjetà għandha tipproteġi lill-persuni vulnerabbli.

Hu sostna li hu pożittiv li l-persuni li jieħdu d-droga mhux bilfors jispiċċaw imorru l-ħabs; għandha ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti li jinqabdu fiċ-ċirku tad-droga.

Claudio Grech tkellem dwar l-effetti tad-droga fuq il-persuna u appella biex persuni li kapaċi jikkontribwixxu lejn dawn il-liġijiet jagħtu l-kontribut tagħhom. Min jitraffika u jagħmel qligħ mid-droga m’għandux isib l-għajnuna tal-Istat, sostna Claudio Grech, li kompla l-liġijiet għandhom ikunu konsistenti.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-Fondazzjoni ‘Save A Life’ li għamlet studju flimkien mal-Università ta’ Malta dwar l-użu mis-sustanzi miż-żgħażagħ u mit-tfal.

Hu semma’ d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-familji milquta mill-problema u qal li dawn il-familji jippreferu li wliedhom bil-problema jkunu f’post sigur milli esposti għall-problemi tas-soċjetà.

Id-deputat Nazzjonalista qal li meta dawn il-persuni jitressqu l-qorti u jispiċċaw il-ħabs inkella fl-Isptar Monte Carmeli. Wasal iż-żmien li titwaqqaf faċilità intiża għal dawn il-każi biex dawn il-persuni jkollhom l-ambjent neċesarji għar-riabilitazzjoni tagħhom.

Claudio Grech kompla li dawn il-persuni jkunu fi stat ta’ disperazzjoni u spjega kif dawn il-faċilitajiet għandhom isiru mal-NGOs involuti. Lil dawn il-persuni rridu nuruhom li s-soċjetà jimportaha minnhom, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan iwassal għal-liġijiet ħafna aħjar.