Lokali Qorti

Jiskuża ruħu minkejja ġie lliberat wara li għadda kummenti fuq Eddie Fenech Adami

Raġel li tefa’ post Facebook kontra l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami f’għeluq sninu skuża ruħu ma’ ibnu d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-familja kollha tiegħu minkejja li ġie lliberat wara li tressaq mill-Pulizija li kiser il-liġi dwar l-att tal-kommunikazzjoni.

Dan għaliex il-liġi m’għadhiex fis-seħħ u li l-kumment tiegħu ma jammontax ghal kliem disprezzattiv ta’ mibgħeda. Dan ifisser li huwa nħeles mill-akkuza li ghamlet il-pulizija fìsem Beppe Fenech Adami. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kellha tisma’ l-każ kontra ċertu Victor Vella, filwaqt li qatlu li dan mhux il-mod kif titkellem dwar persuni fuq il-media soċjali, illiberatu mill-akkuża peress li l-Pulizija qatt ma messet ħadet passi kontrih fuq dan il-kumment.

Minn naħa tiegħu Vella qal li mhux se jitfa’ kummenti aktar bħal dawn fuq facebook jew adirritura ma jużahx, xi ħaġa li l-partijiet qalu li m’għandux ikun impedut milli juża l-midja soċjali, basta ma jgaħddix ċertu kummenti. Kien hemm qbil bejn il-partijiet u Beppe Fenech Adami aċċestta l-apolġija tas-Sur Vella.

Il-post ta’ Vella kien sar fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Beppe Fenech Adami fis-7 ta’ Frar li għadda f’għeluq snin Eddie Fenech Adami. Beppe Fenech Adami kien irreaġixxa mill-ewwel u mar fuq il-midja soċjali biex jesprimi d-diżappunt tiegħu fid-diskors ta’ mibegħda ċċirkolat fuq Facebook kontra missieru.

F’għeluq is-87 sena tiegħu, Victor Vella poġġa kumment fuq is-sit tal-midja soċjali, fejn qal li ‘Eddie Fenech Adami se jieħu ż-żmien biex imut, għax Alla ma jiġborx il-fdal.’ Fil-Qorti Beppe Fenech Adami qal li kien lest li jaċċetta l-fatt li Vella skuża ruħu dwar dan il-kliem diżpreġattiv, u jispera li affarijiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.

Il-Qorti qalet lil Vella b’tonalità soda, li diskors bħal dan mhux permesibbli u wissiet lil Vella biex ma jirrepetix kummenti bħal dawn fil-konfront ta’ ħadd għax il-mibgħeda mhemmx postha fis-soċjetà. Wara li kien tpoġġa dan il-post, diversi kummenti kienu ġrew fuq il-midja soċjali b’appoġġ għall-eks Prim Ministru ta’ Malta. Ħafna kitbu wkoll kummenti li wrew solidarjetà lejn il-familja Fenech Adami.

L-Eks Prim Ministru u Eks President ta’ Malta Eddie Fenech Adami ċċelebra s-87 sena tiegħu meta saru dawn il-kummenti moqżieża. Huwa twieled fis-7 ta’ Frar tal-1934 fejn serva bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-1987 u l-1996, imbagħad bejn l-1998 u l-2004.

Sussegwentement huwa kien maħtur bħala s-sebgħa President tar-Repubblika bejn l-2004 u l-2009. Eddie Fenech Adami ħadem ukoll bis-sħiħ favur id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.