It-Tlieta ngħatat l-aħħar tislima lil Mary Pace, omm il-Membru Parlamentari Nazzjonalista u Deputy Speaker Claudette Buttigieg.
Il-funeral sar wara nofsinhar fil-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar.
Waqt l-omelija, l-Arċipriet David Gauci ddeskriva lil Mary bħala mara qalbha tajba u li dejjem għinet lil dawk ta’ madwarha. Filfatt, hi mhux l-ewwel darba li għamlet xogħol volontarju b’karità fis-skiet. Iżda b’mod speċjali kienet mara tal-familja li dejjem rat li kemm żewġha u anke wliedha kellhom l-imħabba kollha li jistħoqilhom.
Preżenti ghall-funeral kien hemm bosta personalitajiet li sellmu l-memorja ta’ Mary. Fost dawn, il-Kap il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, l-ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, il-Viċi Kapijiet, Robert Arrigo u David Agius, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Francis Zammit Dimech, uffiċjali tal-Partit, deputati, is-Sindku tan-Naxxar, kunsillieri u kandidati ghall-elezzjoni generali.
Mary, li kienet minn Naxxar, mietet fl-età ta’ 78 sena mdawra b’dawk l-aktar għeżież għaliha.
F’post fuq Facebook, Claudette Buttigieg qalet li issa t-tbatija t’ommha waslet fi tmiemha u marret għal ħajja aħjar. Sfortunatament, hi kienet ilha għal dawn l-aħħar sitt snin tiġġieled il-battalja kontra l-kanċer.
Fil-fatt, dawk preżenti ghall-funeral kienu mħeġġa biex minflok fjuri, jagħtu donazzjonijiet lil Hospice Malta li tant għinuha matul iż-żmien diffiċli li għaddiet minnu.
Ritratti: Martin Agius























