Lokali

L-artisti se jwasslu l-messaġġ li “Daqshekk siekta” f’dimostrazzjoni fl-24 ta’ Ġunju fil-Belt

Il-Ħamis, 24 ta’ Ġunju, fis-7pm, l-artisti u dawk involuti fis-settur tal-arti, l-ispettaklu u d-divertiment se jinġabru fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt biex iwasslu l-messaġġ “Daqshekk siekta”. Dan wara li nsistew li din l-industrija teħtieġ ippjanar u għalhekk, hu importanti li l-organizzaturi jkunu jafu x’se jiġri sal-aħħar tas-sena minn issa.

Wara l-mod kif il-Gvern suppost irrilassa r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet kulturali u soċjali, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dan is-settur (MEIA) qalet li tirrikonoxxi li jekk in-numri jerġgħu jitilgħu, l-affarijiet ikollhom bżonn jinbidlu. Madankollu, jekk is-sitwazzjoni tibqa’ tajba kif inhi bħalissa, għandu almenu jkun hemm pjan aktar fit-tul.

L-MEIA fakkret kif ilha x-xhur li ppreżentat proposti lill-Gvern u għalhekk, issa qed ittenni li l-organizzaturi tal-attivitajiet u l-artisti ma jistgħux jibqgħu siekta għax qed jgħidu li qed jinżammu fid-dlam, kif ukoll li qed iħossuhom iddiskriminati bil-mod kif il-Gvern ħabbar is-suppost rilass fir-restrizzjonijiet.

L-MEIA qed tappella lill-artisti biex, fil-bidu tar-rappreżentazzjoni tagħhom, iwasslu messaġġ ta’ protesta kontra l-fatt li qed ikun injorat l-għixien tagħhom u d-dritt li jaħdmu b’mod sostenibbli. Dan meta qed ikomplu jappellaw għal ftuħ responsabbli, sostenibbli u kkontrollat għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, matul il-programm NET Live, il-Viċi President tal-MEIA Toni Attard spjega li l-Assoċjazzjoni twaqqfet madwar sena ilu bl-għan li twassal il-vuċi tal-artisti bit-tama li tkun evitata s-sitwazzjoni li fil-verità spiċċaw fiha llum il-ġurnata.

Toni Attard spjega li f’dan is-settur, hemm min ilu ma jaħdem b’mod regolari għal aktar minn 15-il xahar. Għaldaqstant, li issa wkoll dawn l-artisti ma jistgħux joperaw, ifisser li dawn ma jkollhomx id-dritt ta’ impjieg, fost spejjeż li baqgħu ma qatgħu xejn għal dan iż-żmien kollu.

Hu nnota wkoll kif setturi oħrajn ġew mgħejjunin mal-ewwel, filwaqt li fil-każ tas-settur tal-arti u l-ispettaklu, baqgħu ma semgħu xejn min-naħa tal-Gvern xhur wara li ressqu l-proposti.

Il-karba li l-artisti u n-nies tal-ispettaklu qed jiġu ddiskriminalizzati waslet ukoll mill-kantanta Ira Losco, li qalet li fir-rilass tar-restrizzjonijiet, m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn l-attivitajiet u s-supermarkets jew li n-nies imorru fuq bajja. Min-naħa l-oħra, iddeskriviet il-mod kif ġew deċiżi l-affarijiet fil-jiem li għaddew bħala azzjonijiet li jmorru kontra l-logika u li huma bla pjan.

Dan filwaqt li fakkret fil-proposti li dan is-settur għamel lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, fosthom il-ftuħ bil-galbu ħalli l-artisti jkunu jistgħu jippjanaw. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi l-ammont ta’ udjenza jkun ta’ madwar 25% ta’ kemm ikun jiflaħ il-post – sa massimu ta’ 300 persuna – minn nofs Ġunju … proposta li l-Gvern qed jibqa’ jinjora.