Lokali Qorti

L-avukati ta’ Yorgen Fenech jitolbu sabiex jaraw il-laptops ta’ Daphne Caruana Galizia

L-avukati ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat moħħ fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, talbu biex jiġu esebiti l-laptops u l-hard drives tal-ġurnalista maqtula, u qalu li fihom evidenza importanti li tipprova l-innoċenza tiegħu billi tikkontradixxi l-evidenza tax-xhud tal-prosekuzzjoni, l-middleman Melvyn Theuma.

Fir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Maġistrati, l-avukati qalu li Theuma kien sostna li Yorgen Fenech kien ikkummissjonah biex isib lil xi ħadd biex jeħles minn Caruana Galizia għax kienet se tippubblika storja dwar zijuh.

“Fid-dawl ta’ dan, il-laptops u l-hard drives tal-vittma huma ta’ importanza kbira għad-difiża, sabiex tipprova l-innoċenza tiegħu kif ukoll biex tikkuntrastaha ma’ dik li xehed Melvin Theuma.” Theuma, li xehed fit-tul f’diversi proċeduri relatati mal-qtil, xi drabi ġie kkritikat mill-qorti għall-ispjegazzjonijiet imħallta u kontradittorji tiegħu.

L-applikazzjoni, li ġiet iffirmata mill-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, argumentat li l-Pulizija kellha l-obbligu li tiġbor u tippreserva l-evidenza kollha relatata mal-qtil, kemm favur kif ukoll kontra l-akkużat.

“Dan għandu jinkludi żewġ laptops u tliet hard drives użati mill-vittma fil-ħin tal-qtil.” L-apparat kien ġie ttrasportat lejn il-Ġermanja biex jinżamm sikur wara l-qtil u l-awtoritajiet Ġermaniżi sussegwentement irrifjutaw li jgħadduhom lill-kontropartijiet Maltin tagħhom.

Il-Qorti Kostituzzjonali, fis-sentenza tagħha fil-każ ta’ Alfred Degiorgio v Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali f’Diċembru 2019, kienet ordnat li din l-evidenza għandha tintalab waqt il-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-Maġistrat kompilatur, qalu l-avukati, u talbu qorti biex tordna li dan isir.