Lokali Parlament

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett tad-db f’Pembroke minkejja proċess ivvizzjat

– David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-Awtorità tal-Ippjanar spiċċat approvat il-proġett tad-db f’Pembroke minkejja li dan kien proċess ivvizzjat fil-mod kif ingħatat l-art.

Fil-parlament dalgħodu David Thake qal li l-Ministru għall-Ambjent illum qed jikkritika lir-residenti li qed jitkellmu kontra d-deċiżjonijiet ambjentali mill-erba’ persuni li jappuna l-Gvern.

Dawn ir-residenti għandhom id-dritt li jipproteġu l-ambjent li għandhom madwarhom u għandhom dritt jitkellmu fuq l-ambjent b’mod ġenerali. Il-Gvern fil-fatt mhux jisma’ din il-kritika.

David Thake qal li l-Ministru Farrugia qed jipprova jagħti l-impressjoni li qabel l-2013 fil-pajjiż kien hawn il-qgħad u n-nies ma setgħux jibnu jew jixtru djarhom meta dan mhux minnu.

Il-PN jemmen li l-iżvilupp għandu jkun sostenibbli u li l-ambjent personali hu importanti ħafna. Il-Gvern qiegħed tard ħafna fit-tibdil neċessarju fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, sostna David Thake, li kompla li għandhom ikunu slavagwardjati d-drittijiet tal-persuni meta jkun qed isir l-iżvilupp ġdejhom.

Hu qal li l-Gvern m’għandux idejh marbutin bil-pjan tal-2006 iżda meta l-PL kien elett fl-2013, il-Gvern Laburista m’għamilx pjani lokali ġodda anzi ikkonferma l-pjan tal-Gvern Nazzjonalista tal-2006.

David Thake semma’ l-art li l-Gvern ħa mingħand il-bdiewa biex jitwessgħu t-toroq bla ma jisimgħu alternattivi biex dawn it-toroq ma jsirux. Hu qal li l-proġett tat-toroq tal-Marsa kien tajjeb iżda l-Gvern irid jikkunsidra li l-pajjiż m’għandux art kemm irid.

David Thake staqsa għaliex l-ERA u l-NGOs ma jingħatawx iċ-ċans li jkollhom persuni biex isemmgħu leħinhom fuq każi kbar bħal dak ta’ Pembroke meta r-rappreżentanti tagħhom jirrikużaw lilhom innfushom.

Hu kkritika liċ-Chairman tal-AP li qal li l-poplu jrid jaċċetta li Malta miexja lejn żmien modern u staqsa x’ifisser modern għaċ-Chairman tal-AP. Dan qed jirrifletti l-ħsieb tal-Gvern għaliex dan kien appuntat politikament. Hu qal li l-era moderna m’għandhiex tfisser konkos jew it-tkissir ta’ dak kollu li għandu karattru u hu antik.

L-ippjanar u l-bini m’għandhomx jibqgħu f’idejn il-politiċi u l-AP għandha tkun komposta min-nies kompetenti. Fil-każ ta’ Kemmuna l-AP m’għamlitx infurzar minkejja li kellha r-rapport tal-Ombudsman.

Meta tkellem dwar l-iżvilupp lil db Group f’Pembroke, David Thake qal li l-PN mhux kontra żvilupp iżda dan għandu jsir b’rispett sħiħ lejn l-ambjent, il-bżonnijiet tal-pajjiż u lejn l-interessi tar-residenti u tal-madwar.

Il-mod kif l-art spiċċat għand id-db hu suspettuż, ivvizzjat u dubjuż immens iżda l-AP injorat dan kollu daqsi li kieku kollox sar normali. L-NAO iddikjara li l-proċess tat-trasferiment tal-art lid-db ma kienx mexa skont l-elementi ta’ governanza tajba. Iddjara wkoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministeru tat-Turiżmu immexxi minn Konrad Mizzi jwaħħlu f’xulxin u ma kienx hemm records dwar kif l-art tal-poplu għadiet għand l-iżviluppatur. L-AP approvat dan kollu u warrbet 18,000 oġġezzjoni tar-residenti u l-kunsilli lokali li oġġezzjonaw, sostna David Thake.