Internazzjonali

L-Iran: Tħejjija għall-elezzjoni fost ir-rabja…

Il-poplu tal-Iran, nhar il-Ġimgħa, se jivvota biex jeleġġi President ġdid u meta l-elezzjoni għandha tkun iddominata mill-kandidati konservattivi li huma qrib tal-Mexxej Suprem Iranjan, l-Ayatollah Ali Khamenei. Intant, qed tispikka r-rabja popolari dwar il-problemi ekonomiċi  tal-pajjiż u l-kontrolli tal-Istati biex l-Iranjani li jridu r-riformi jibqgħu d-dar u ma jivvutawx.

Il-favorit li jilħaq President minflok ( il-President attwali) Hassan Rouhani hu Ebrahim Raisi, imħallef u kandidat konservattiv li l-analisti jqisuh bħala ‘simbolu’ tal-establishment Iżlamiku f’Tehran li qed jinsisti bil-politika riġida u ripressiva tal-aħħar snin.

Madankollu, l-awtoritajiet Iżlamiċi tal-Iran jistgħu jkunu diżappuntati bil-konkorrenza tal-votanti li kapaċi ma tkunx waħda għolja. Anqas ma jivvutaw Iranjani, akbar għandhom ikunu d-dubji dwar il-leġittimità tal-President ġdid, bl-istħarriġ jindika li kapaċi jivvutaw biss mal-40 fil-mija minn xi 59 miljun Iranjani eliġibbli.

Il-kritiċi tal-Gvern qed jgħidu li dan il-prospett hu dovut għar-rabja ‘ġenerali’ dwar ekonomija nazzjonali li qed tbati bil-kbir taħt is-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti. Hemm ukoll rabja dwar in-nuqqas ta’ għażla għall-votanti wara li l-establishment Iżlamiku żamm numru ta’ kandidati moderati u konservattivi milli jikkuntestaw l-elezzjoni.

Il-President Iranjan, Rouhani, dejjem kien meqjus bħala politiku moderat u pragmatiku, iżda s-suċċessur tiegħu se jkun xi ħadd minn ħames politiċi radikali li jemmnu bis-sħiħ fil-fehma ta’ Khamenei li ‘l-Iran hu l-avversarju naturali tal-Punent’. Fost dawn hemm ukoll Saeed Jalili, li fl-aħħar snin serva bħala n-negozjatur prinċipali tal-Iran dwar il-kwistjoni nukleari ta’ pajjiżu.