Lokali Parlament

L-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhom jirriżenjaw; ma jistgħux jibqgħu kompliċi

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jirriżenjaw u ma jkomplux ikunu kompliċi fl-isfreġju ambjentali li qed isir fil-pajjiż.

Fil-parlament dalgħodu Robert Cutajar qal li l-Ministru għall-Ambjent qed jgħix fi pjaneta differenti mill-poplu Malti u sostna li l-Awtorità tal-Ippjanar (AP) hi kompliċi u protagonista ewlenija fil-ħsara ambjentali; qed tkun hi l-kawża għall-isfreġju fl-estetika fl-ibliet u l-irħula.

Hu qal li mhux il-ħaddiema kollha tal-AP qed jaqdu d-doveri tagħhom u għalhekk għandha tintrefa’ responsabbiltà. Il-poplu tilef il-fiduċja fl-AP li hi mmexxija minn pupazzi f’idejn il-Gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ċertu membri tal-bordijiet tal-AP qed jitħallsu minn flus il-poplu biex jieħdu deċiżjonijiet mhux fl-interess tal-poplu. Il-PN mhux komdu li fil-pajjiż qed jgħaddi kollox, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-AP hi kompliċi fi ksur tar-regolament ambjentali.

Għall-AP sar jgħaddi kollox fejn anki l-Uffiċċju tal-Omdusman qed ikun redikolat; fuq il-bordijiet tal-AP għad hemm min għandu konflitt ta’ interess.

Hu semma’ min imexxi l-AP u kkwota The Times li fit-23 ta’ Mejju 2021 iċ-Chairman tal-AP Martin Saliba kien kwotat jgħid li rridu naċċettaw li Malta miexja f’era moderna.

Hu qal li l-karatteristiċi tal-poplu Malti m’għandhomx jispiċċaw; kull valur qed jintilef. Martin Saliba għandu jirriżenja wara din id-dikjarazzjoni, sostna Robert Cutajar, li kompla li għall-PN mhux aċċettabbli li l-karatteristiċi tal-poplu Malti jkunu mormija. Hu qal li l-PN se jħabbar riforma f’dan is-settur u sostna l-Ministru għall-Ambjent ivvota kontra l-proposta tal-PN dwar l-ERA.

Dwar dan il-każ, il-PN tkellem permezz tas-sindki Nazzjonalisti tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan waqt li kien il-PN li talab lill-NAO biex jinvestiga dan il-proċess li kien ivvizzjat. Dan hu proġett li se jħalli impatt fuq il-pajjiż u fuq ir-residenti.

Robert Cutajar kompla li Alfred Sant kiteb li dalwaqt ma jifdalx x’jiġi salvat f’Għawdex u spjega kif anki l-President ta’ Malta George Vella appella għall-bilanċ sostenibbli bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Il-President Vella kien appella wkoll biex il-pajjiż ikun iktar sensittiv.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li anki l-President Emeritus Marie Lousie Coleiro Preca appellat ukoll biex ma jinqerdux għelieqi f’Ħal Qormi. Hu semma’ l-każ ta’ Kemmuna; fuq dan il-każ biss iċ-Chairman tal-AP kellu jirriżenja għax ġie jaqa’ u jqum minn dak li qal l-Ombudsman. Dwar il-Pjan Lokali tal-2006, hu qal li l-Gvern Laburista bdidel policies biex jakkomoda li min ried. Fost dawn hemm binjiet mostrużi fil-Mellieħa u anki fin-Naxxar.

Robert Cutajar tratta l-każ ta’ Kemmuna fejn kien hemm abbuż sfaċċat b’rapport tal-case officer li x-xogħol ma setax isir. Wara xi żmien instab mod kif isiru x-xogħolijiet iżda l-AP baqgħet siekta għax hi pupazza f’idejn il-Gvern. Il-poplu tilef il-fiduċja fl-AP u fl-entitajiet governattivi li huma kompliċi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-arroganza u l-inkompetenza tal-Gvern swiet ir-riżenja tal-Professur Aan Deidun, bniedem validu li qal li l-MEPA hi bla snien quddiem awtoritajiet oħra. Ħadd ma wieġeb lil Alan Deidun kif ħadd ma jwieġeb lill-għaqdiet volontarji li qed jagħmlu l-kritika tagħhom.

Il-Whip Nazzjonalista sostna li l-AP għandha twieġeb għal għemilha u kompla li l-iżbalji qed isiru intenzjonalment. Hu kompla li l-Prim Ministru issa qed jgħid li l-ambjent hu prijorità kif kien qal fl-2013 għalkemm il-Ministru Aaron Farrugia qal li minkejja li l-pajjiż mexa ‘il quddiem, l-ambjent mhux prijorità.

Robert Cutajar qal li l-Gvern ħalla l-flus u r-riegħba jirbħu fuq l-ambjent u sostna li l-Gvern għamel straġi fl-ODZ. Lil Għawdex dan il-Gvern kissru fejn borġ ġebel sar farmhouse, sostna Robert Cutajar, li kompla li fl-2006 għadda iżda l-fatti huma li l-applikazzjonijiet li qed ikunu approvati llum imorru lil hinn mill-pjan tal-2006. “Kissirtu pajjiż!”, irrimarka Robert Cutajar, li kompla li l-PN se jkun qed jagħti tama lill-poplu Malti fl-ambjent.