Lokali Parlament

Meħtieġa azzjoni urġenti f’San Pawl il-Baħar

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake insista li wara l-inċidenti gravi li ġraw f’San Pawl il-Baħar fl-aħħar ġranet u quddiem il-problemi kbar li hemm fil-lokal, l-awtoritajiet iridu jieħdu azzjonijiet imemdjati u urġenti.

Fl-Aġġornament tal-lum David Thake qal li fil-parlament, il-Ministru Clayton Bartolo, għadda kummenti li ma jixirqux u sostna li l-mod kif irrisponda mistoqsija parlamentari kien minħabba l-fatt li kien għaddielu messaġġ mingħand kostitwent minn San Pawl l-Baħar li qed isfori inkonvinjenti minħabba xogħolijiet li qed isiru bil-lejl fit-triq tiegħu. Dawn ix-xogħolijiet jinkludu tindif permezz ta’ bowser tal-ilma, generator u power wash.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan ix-xogħol ma kellux isir dak il-ħin u għalhekk kien staqsa lill-Ministru Bartolo dwar dan l-ilment. Il-Ministru ħa għalih għaliex dan il-persuna kien stqarr li, wara dak li seħħ, ma jirrikonoxxix l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Bir-raġun li dan il-persuna hu rrabbjat minħabba l-istorbju, sostna David Thake, li kompla li fil-lokal hemm problema kbira li dwarha hu tkellem fl-aħħar ġimgħat iżda ma kien sar xejn.

David Thake kompla li issa ħareġ filmat ta’ erba’ persuni mhux Maltin jiġġieldu b’mod vjolenti f’nofs ta’ triq daqs li kieku m’hemmx infurzar tal-liġijiet f’Buġibba.

Hu sostna li xi snin ilu l-gvern kien ħareġ bi pjan ta’ strateġija inkluż il- Pulizija tal-Komunità iżda minn dan ma sar xejn. Hu spjega li San Pawl il-Baħar jinsab mitluq bla ebda għajnuna mill-gvern ċentrali. Il-kunsill lokali qed jagħmel l-elmu tiegħu iżda dan għandu bżonn l-għajnuna tal-gvern ċentrali.

David Thake qal li qed iseħħu każi fejn persuni jkunu mitlufin minn sensiehom bix-xorb f’postijiet pubbliċi; jeħtieġ bżonn urġenti ta’ intervent fil-lokal. Jeħtieġ ukoll l-għajnuna tal-gvern minħabba l-problemi kbar ta’ traffiku li hemm u n-nuqqas ta’ parkeġġ. Il-Gvern falla milli jipprovdi l-parkeġġ bil-gwardjani jwaħħlu l-multi meta r-residenti m’għandhomx fejn jipparkjaw.