Lokali

Repubblika titlob għal elezzjonijiet ħielsa mill-korruzzjoni għal demokrazija li tiffunzjona

“Elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma element mhux negozjabbli ta’ demokrazija li tiffunzjona. Madankollu ħafna drabi, il-ġustizzja fl-elezzjonijiet titnaqqar minħabba liġijiet dgħajfa, minħabba l-impunità li tinħoloq meta l-Istat jonqos milli jimplimenta l-liġijiet eżistenti u meta l-persuni involuti fil-proċess jonqsu milli jaġixxu bi mġiba etika u tajba, kif mistenni minnhom. Dawn in-nuqqasijiet joħolqu leġittimità falza għar-riżultati elettorali li, għallinqas parzjalment, huma influwenzati minn imġiba abbużiva.”

Kien dan li ħareġ minn dokument li ġie mnedi minn Repubblika b’numru ta’ proposti kontra l-korruzzjoni matul l-elezzjonijiet f’pajjiżna.

Huma saħqu li biex elezzjoni jew votazzjoni jkunu ġusti, il-parteċipanti jeħtieġu kundizzjonijiet ekwi, kemm jekk ikunu kandidati individwali u anki jekk ikunu partiti politiċi.

Waħda mill-problemi li indirizzaw kienet dik tal-leġiżlazzjoni eżistenti hekk kif l-uniku strument legali li jindirizza b’xi mod l-abbuż tas-setgħa tal-kariga daħal fisseħħ meta fil-poter tal-pajjiż ma kienx hemm amministrazzjoni Maltija.

B’hekk, huma qed jistennew li l-kandidati għal kariga politika jħarsu s-saltna tad-dritt b’aktar minn sempliċi kliem. Jistennew li dawn iħarsu s-saltna tad-dritt bl-azzjonijiet tagħhom għax jekk wieħed jinjora d-dispożizzjonijiet tal-liġi għax ikunu inkonvenjenti jew inkonsistenti mad-drawwa – “għax kulħadd hekk jagħmel” – dan ikun korrott, u minnu nnifsu jiftaħ bieb għall-klijenteliżmu u jkun parti minn reazzjoni katina ta’ korruzzjoni b’konsegwenzi ferm aktar gravi.