Lokali

Tħassib dwar l-effettivitá tal-ħidma tal-Frontex

L-appoġġ li l-Frontex qed tagħti għall-ġestjoni tal-fruntieri, mhux qed ikun effettiv biżżejjed sal-ġurnata tal-lum.

Dan ħareġ waqt laqgħa konġunta tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubblici u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u l-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat.

Fid-diskussjoni ħareġ li l-Qorti Ewropea tal-awdituri sabet li l-appoġġ li l-Frontex tagħti għall-Istati Membri u pajjiżi assoċjati max-Schengen fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalitá transfruntiera ma huwiex effetiv biżżejjed. Sar magħruf ukoll li l-Frontex ma timplimentax bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016.

Il-membri preżenti tal-oppożizioni kienu David Agius, Karol Aquilina, Toni Bezzina, Ryan Callus, Kristy Debono u Carm Mifsud Bonnici. Min-naħa tagħhom esprimew l-inkwiet tagħhom għal dak li rriżulta u għall-impatt negattiv ta’ dan l-operat fuq pajjiżna. Dan iktar u iktar meta l-istaġun tas-sajf qiegħed jirranka.

Min-naħa tagħhom il-membri tal-oppożizzjoni iddikjaraw li mhux aċċettabbli li Aġenzija fdata b’tant responsabbilita u li tagħmel użu minn fondi Ewropej jinstabulha nuqqasijiet xejn skużabbli fl-iskambju ta informazzjoni, fl-analizzar tar-riskju u fil-valutazzjoni tal-vulnerabilitá.

Fil-ġlieda kontra l-kriminalitá organizzata, l-iktar fejn jidħol it-traffika ta’ bnedmija dawn huma difetti li jridu jiġu rimedjati kemm jista’ jkun malajr.

Il-membri tal-oppożizzjoni għalhekk saħqu li filwaqt li jemmnu li l-Aġenzija Frontex hija neċessarja u fil-waqt li jieħdu nota tar-rakomandazzjonijiet tal-istess rapport jinsistu li din l-aġenzija titħaddem ferm aħjar, tkun iktar effettiva f’ħidmietha, tonfoq sewwa l-fondi allokati, u tkun iktar trasparenti b’sistema effettiva ta’ awditjar intern.

Il-membri rringrazzjaw lil Leo Brincat ta’ ħidmietu filwaqt li esprimew it-tama li dan ir-rapport ma jiġix skartat imma l-istituzzjonijiet ewropej jaraw li jiġu implimentati u jinsistu li l-Gvern jara li dan iseħħ malajr sabiex jkun hemm għajnuna siewja u effettiva lill-pajjiżna fl-isfida tal-immigrazzjoni rregolari.