Internazzjonali

Twissija lin-NATO biex ma ‘teżaġerax’ it-theddida taċ-Ċina

Iċ-Ċina akkużat lill-Alleanza tan-NATO b’li qed tmexxi l-‘kalunji u misinformazzjoni’ bil-ħsieb li ttellfilha l-iżvilupp paċifiku li rranka fl-aħħar xhur u snin. Dan meta l-mexxejja tal-alleanza tal-punent qed iwissu dwar ‘it-theddida għas-sigurtà’ mill-Gvern komunista ta’ Beijing kif ukoll dwar l-impatt ‘tal-isfidi sistematiċi li qed timponi ċ-Ċina’.

Il-pajjiżi alleati tan-NATO, b’mod partikulari l-Istati Uniti, ilhom imħassbin dwar l-ambizzjonijiet taċ-Ċina u b’mod partikulari, il-pjani ta’ Beijing biex jespandi l-ħażna tiegħu ta’ armamenti nukleari. L-akbar preokkupazzjoni, intant, hi li ċ-Ċina qed thedded l-istabbilità internazzjonali flimkien mas-sistema tar-regoli li jamministraw l-aġir tal-pajjiżi tad-dinja, inklużi l-akbar potenzi.

Din hi l-ewwel darba li n-NATO poġġiet liċ-Ċina bħala ‘suġġett ewlieni’ fuq l-aġenda ta’ summit għall-pajjiżi membri tal-Alleanza — u dan fih innifsu jirrifletti t-tħassib tal-Istati dwar l-ambizzjonijiet u l-politika aggressiva ta’ Beijing.

Intant, iċ-Ċina wieġbet li l-politika tad-difiża tagħha għandha tkun interpretata fid-dawl tal-kapaċitajiet ta’ Beijing biex iwieġeb għal theddida kontra l-interessi tiegħu. Fl-istess ħin, iċ-Ċina ħeġġet lin-NATO biex ‘tiddedika aktar mill-enerġija għall-promozzjoni tad-djalogu’.

Stqarrija mill-Missjoni taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea qalet ukoll li l-pjani tad-difiża u l-modernizzazzjoni militari taċ-Ċina huma ġustifikati, raġjonevoli u fl-istess ħin trasparenti.. L-istqarrija kompliet li n-NATO għandha tevalwa l-iżvilupp taċ-Ċina b’mod meqjus u kunsidrat u li l-Alleanza ‘mgħandhiex tirreferi għall-interessi u drittijiet leġittimi taċ-Ċina bħala skuża għal manipulazzjoni politika waqt li tixpruna l-kompetizzjoni fuq livell ġeopolitiku’.

Intant, in-NATO, fil-bidu tal-ġimgħa, ikkonkludiet is-summit ta’ jum fi Brussell fejn spikkat il-preżenza tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden li kien qed jattendi l-ewwel avveniment internazzjonali f’din il-kariga.

L-Alleanza tan-NATO magħmulha minn 30 pajjiżi Ewropej u mill-Amerika ta’ Fuq iqisu lir-Russja bħala theddida kbira għall-Punent. Dan meta l-President Biden qed iħejji għal laqgħa sinifikanti mal-President Russu Vladimir Putin li għandha ssir f’Ġinevra, fl-Iżvizzera.