Lokali

APS – ilbieraħ, illum u għada

L-APS Bank huwa kburi li għadu kif inawgura l-kampanja pubbliċitarja Ilbieraħ, Illum u Għada, li tirrifletti l-istorja rikka tal-Bank, l-impenn fit-tul tiegħu lejn il-komunità, u l-istatus li jgawdi llum fost il-pubbliku.  Din il-kampanja tinkludi t-tnedija tar-riklam il-ġdid tal-Bank fuq it-televiżjoni nazzjonali u fuq il-kanali diġitali.

Matul l-istorja tiegħu ta’ ’l fuq minn 110 snin, il-Bank għadda minn tibdil radikali biex illum sar wieħed mill-banek ewlenin ta’ Malta.  Fl-istess ħin li kabbar il-portafoll ta’ prodotti u servizzi li joffri u wassal il-progress b’mod strateġiku f’oqsma kruċjali, il-Bank baqa’ ffokat fuq mudell kummerċjali sempliċi imma versatili.  Misjuq minn Viżjoni ċara u ambizzjuża, Missjoni preċiża u Valuri sodi, il-Bank ittrasforma ruħu fi żmien qasir, biex issa qed joffri lill-klijent esperjenza aqwa billi żewweġ l-innovazzjoni diġitali mal-konvenjenza tal-fergħat fil-komunità.  L-involviment fil-komunità jibqa’ ċentrali għall-Bank, u l-prijorità għall-Bank hi li kull azzjoni korporattiva u kummerċjali jkollha lill-klijenti, lill-impjegati u ’l-komunità estiża fil-qalba tagħha. 

Herve Delpech, Kap tal-Istrateġija fl-APS Bank, spjegalna hekk: “Il-kampanja tal-APS bis-slogan Ilbieraħ, Illum u Għada verament titfa’ d-dawl fuq l-istorja twila tagħna – storja ta’ qadi tal-komunità u ta’ twemmin f’relazzjoni personalizzata ma’ kull klijent li tkun iċċentrata fuq il-valuri u l-filosofija tal-Bank.”

Ara r-reklam il-ġdid tal-Bank fuq it-televiżjoni u sir af aktar dwar il-kampanja tagħna mis-sit www.apsbank.com.mt/you