Lokali

“In-negozji huma ferm għall-qalb il-Partit Nazzjonalista” – Bernard Grech

“Kull tip ta’ negozju huwa għall-qalb il-Partit Nazzjonalista u tkellimt ukoll hawnhekk iż-Żejtun ma sidien ta’ negozji żgħar, ħwienet, dħalt f’ħanut tal-ħwejjeġ u spjegajtlu kif il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qedgħin joħorġu kuljum anke lilu qedgħin jisirqu u dan talabni nispjegalu u meta spjegajtlu fehem mill-ewwel kif qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma”. Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel l-Erbgħa filgħodu fil-monti taż-Żejtun fejn tkellem ma’ diversi residenti Żwieten, bejjiegħa li kienu armati, sidien ta’ ħwienet kif ukoll nies oħra li kienu qedgħin jixtru.

Kienu bosta dawk li waqt li tkellmu mal-Kap tal-PN, irringrazzjawh għall-ħidma tiegħu kif ukoll għall-proposti li qed joħroġ bihom il-Partit Nazzjonalista.

Ma’ Net News, Bernard Grech saħaq li n-negozji.. li l-bejjiegħa tal-monti huma parti minnhom.. u li matul il-pandemija bagħtew ħafna..  huma importanti ferm għall-Partit Nazzjonalista..

“Kull negozju huwa għall-qalb il-Partit Nazzjonalista. Meta niġu f’dawn it-tip ta’ swieq nibgħatu messaġġ ċar illi anke dawn il-persuni li jiġu hawnhekk ħafna minnhom koppji u familji… tkellimna ma’ persuni li qed ibiegħu l-ħut .. l-irġiel qedgħin fuq il-baħar u n-nisa hawn ibiegħu l-ħut. Dawn huma parti mill-katina ekonomika ta’ pajjiżna u għalhekk Partit Nazzjonalista qiegħed jiltaqa’ magħhom ħalli jispjegalhom kif jista’ b’mod fattwali u bil-proposti tiegħu jagħmel il-ħajja tagħhom aħjar.

Dwar sfidi li qed jaffaċċjaw in-negozji, Bernard Grech tkellem ukoll ma’ diversi sidien ta’ ħwienet fiż-Żejtun fejn kienu divesi dawk li saħqu miegħu kif il-pandemija tal-COVID-19 affettwatilhom il bejgħ u il-qliegħ tagħhom.

Tul  iż-żjara tiegħu, Bernard Grech fakkar ukoll fl-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jingħata lura il-flus li nsteraq mill-Gvern Laburista b’rabta mal-kontijiet tad-Dawl u Ilma.

Fiż-Żejtun, Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputat Mario Galea kif ukoll il-kandidati Janice Chetcuti, Leone Sciberras kif ukoll John Baptist Camilleri.