Internazzjonali

Iżrael jattakka mill-ġdid il-Medda ta’ Gaza wara li spiċċa mira għall-‘fire balloons’ tal-militanti Palestinjani

Il-kelliema għall-Gvern Iżraeljan qalu li wettqu numru ta’ attakki mill-ajru kontra l-Medda ta’ Gaza wara li l-militanti Palestinjani waddbu hekk-imsejħa fire-balloons li kkaġunaw numru kbir ta’ nirien fiz-zoni lejn in-nofsinar ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera

Din kienet l-ewwel vjolenza wara t-tmiem, ix-xahar li għadda, tal-konflitt kbir ta’ ħdax-il jum bejn Iżrael u Gaza.

Fl-aħħar attakki, l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani konċentraw il-bumbardamenti fuq numru ta’ kumplessi tal-grupp Hamas tal-militanti Palestinjani li jikkontrolla Gaza.

Sar magħruf, wara, li l-fire-balloons ikkaġunaw in-nirien f’20 inħawi differenti lejn in-nofsinar ta’ Iżrael, b’kelliema għall-Hamas qalu li huma riedu ‘iwieġbu għad-dimostrazzjonijiet u marċi provokattivi’ tal-Iżraeljani li fl-aħħar sigħat inġabru f’Ġerusalemm tal-Lvant biex jiċċelebraw it-trijonfi militari tal-passat li wasslu għall-ħtif ta’ territorju ( mill-Iżraeljani) fir-reġjun.

Madankollu ma kenux irrappurtati vittmi f’Iżrael jew il-Medda ta’ Gaza, bil-kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani jsostnu li l-fighter jets tagħhom immiraw speċifikament għall-kumplessi militari tal-Hamas fl-inħawi ta’ Khan Younis u l-Medda ta’ Gaza.

L-istess kelliema qalu li dawn il-kumplessi huma ’bażijiet għall-attivitajiet tat-terroristi’ u li l-qawwiet Iżraeljani huma lesti għal ‘kwalunkwe sitwazzjoni’ — anki bidu ġdid ta’ ostilitajiet mal-militanti f’Gaza. Huma komplew li l-attakki mill-ajru saru b’reazzjoni għall-‘fire-bombing’ tal-villaġġi tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera waqt li wissew lill-Hamas ‘li aktar aggressjoni (min-naħa tal-militanti) għandha tqanqal reazzjoni simili’.

Sadanittant, is-sorsi qrib il-Hamas sostnew li l-Palestinjani se jkomplu għaddejjin ‘bir-reżistenza kuraġġjuża’ filwaqt li ‘jiddefendu d-dritt għall-aċċess lejn is-siti sagri f’Ġerusalemm’.

Il-militanti Palestinani ilhom l-aħħar snin iwaddbu l-bżieżaq tal-helium u kites bil-kontejners ta’ fuel qed jaqbad u tagħmir splussiv lejn Iżrael, fejn ikkaġunaw mijiet ta’ nirien qalb foresti kif ukoll qalb iz-zoni ddominati bl-irziezet.

Sadanittant, l-attakki mill-ajru tal-aħħar sigħat kienu l-ewwel offensiva ta’ dan it-tip taħt il-Gvern ġdid ta’ Iżrael li ħa l-poter nhar il-Ħadd u li ġab fi tmiem it-tnax il-sena konsekuttivi ta’ tmexxija mill-eks Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.

Il-Prim Ministru ġdid Iżraeljan, Naftali Bennett, hu politiku estremista tal-lemin li qed imexxi koalizzjoni ġdida magħmulha minn tmien partiti li jirrappreżentaw kull settur tal-ispektrum politiku ta’ Iżrael.