Lokali Parlament

Kuntratt fażull biex jgħattu l-€1 miljun li taw lil Yorgen Fenech

Minn kuntratti dwar il-power station tal-Electrogas jirriżulta li sar kuntratt fażull, bl-għaġġla, mimli żbalji u kontradizzjonijiet biex ma jidhrux il-€1 miljun li kien ingħata Yorgen Fenech.

Dawn sostnewh id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina waqt li sessjoni tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li fiha kompla jixhed Paul Apap Bolgona, li kien assistit mill-Avukat Gianella de Marco.

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llum waranofsinhar kompla jinvestiga r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.

Għall-Gvern ipparteċipaw il-Whip Glenn Bedingfield,, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Ian Castaldi Paris. L-Oppożizzjoni kienet rappreżentanta mill-President tal-Kumitat Beppe Fenech Adami u d-deputat Laburisti Karol Azzopardi u Robert Cutajar.

Beppe Fenech Adami irrifera għall-Project Service Agreement tal-2013 bejn New Energy Supply Ltd ta’ Yorgen Fenech u GEM Holdings biex Yorgen Fenech jitħallas €2.5 miljuni għa-servizzi tiegħu iżda tħallas biss €1 miljun minn GEM. Hu staqsa x’sens jagħmel li Yorgen Fenech jagħti servizz lill-Electrogas iżda ta’ dan tħallas il-GEM Holdings.

Jirriżulta li Yorgen Fenech kien qed jagħmel ix-xogħol kollu, qal Paul Apap Bologna, li kien mistoqsi wkoll dwar kuntratt ieħor (Project Development Agreement) li kien sar fl-1 ta’ Ġunju 2014.

Beppe Fenech Adami qal li Yorgen Fenech kien inkarigat biex jagħmel in-negozjati mal-awtoritajiet u għalhekk hemm interess pubbliku. Hu qal li dak li hemm fil-kuntratt ma jirriflettix dak li hemm fir-realtà partikolarment dwar kif Gasoil ma jissemmewx f’ċertu kuntratti.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar jekk dan il-ftehim ta’ €2. miljuni sarx biex jgħatti xi ħaġa u beix ikun hemm dokument li juru li saru xi pagamenti, Paul Apap Bologna qal li dan mhux minnu.

Karol Aquilina staqsa lix-xhud kif jispjega li dan il-kuntratt ta’ €2.5 miljun sar b’mod dilettantesk bix-xhud iwieġeb li hu ma kienx involut fit-tfassil tad-dokument. Ix-xhud qal li kien hemm diskussjonijiet ma’ Yorgen Fenech biex miż-€2.5 miljuni, kellhom jingħataw €1 miljun lil Yorgen Fenech.

Paul Apap Bologna qal li hemm ftehim bejn Gasoil u GEM li Gasoil se tħallas €1.5 miljun lil GEM għas-servizzi u l-appoġġ fl-iżvilupp tal-proġett. Hu qal li hemm kuntratt ieħor bejn GEM u Gasoil u sostna li probabbilment dan ingħata lill-Awditur Ġenerali.

Beppe Fenech Adami qal li jirriżulta minn kuntratt li l-kumpanija GEM qabbdet lil New Energy biex tipprovdi s-servizzi iżda se tkun hi stess li se tagħmel dan ix-xogħol. Din hi l-iktar klawsola importanti iżda ma tagħmilx sens; dan il-kuntratt sar bil-għaġġla!?, irrimarka u staqsa Beppe Fenech Adami.

Beppe Fenech Adami juri li ż-€2.5 miljuni li kellu jieħu Yorgen Fenech m’humiex ġustifikati għaliex il-klawsola rilevanti tgħid l-oppost. Dan kuntratt fażull u sar biex jiġġustifika affarijiet oħra, biex tgħattu l-€1 miljun li tajtu li Yorgen Fenech għamiltu dan il-kuntratt, irrimarka Karol Aquilina, li dan il-kuntratt fih ħafna żbalji u f’ammonti kbar. Ix-xhud ċaħad li dan kien kuntratt fażull.

Mistoqsi għaliex Gasoil biss ħasset il-bżonn li tħallas l-€2.5 miljun il Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna qal li hu jaf biss bil-kuntratt ta’ Gasoil, li kienet il-kumpanija ewlenija f’dan il-proġett.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield oġġezzjona għal dawn il-mistoqsijiet u qal li dan huma affarijiet ta’ bejn il-kumpaniji.

Mistoqsi mid-deputat Karol Aquilina x’kuntatti għandu mas-SOCAR, Paul Apap Bolgona qal li hu ma kellux kuntatti tul is-snin. Mistoqsi wkoll jekk kienx broker ma’ SOCAR u jekk kellux laqgħat li kellu mas-SOCAR, ix-xhud ma weġibx.

Wara konfront bejn l-Avukat de Marco u Karol Aquilina, l-Avukat de Marco tat parir lix-xhud biex ma jwieġeb l-ebda mistoqsija tad-deputat Aquilina.

Il-kumitat kien aġġornat għal data oħra.