Internazzjonali

Peru: Pedro Castillo rebaħ l-aktar voti….iżda l-isfida tkompli

Il-kandidat tax-xellug, Pedro Castillo, rebaħ l-aktar voti fil-fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Peru u meta issa – skont l-għadd tal-voti finali – hu rebaħ ftit aktar minn 50 fil-mija tal-voti, jew 44,000 vot aktar mill-isfidanta tal-lemin, Keiko Fujimori. Madankollu, Castillo ma jistax ikun iddikjarat rebbieħ qabel l-awtoritajiet elettorali jtemmu l-ipproċessar ta’ diversi sfidi legali li ressqet l-istess Fujimori.

Il-kandidat tal-lemin qed tinsisti li Pedro Castillo ‘rebaħ l-elezzjoni bis-saħħa ta’ frodi u manipulazzjoni’ iżda baqgħet ma ssostanzjatx l-allegazzjonijiet bil-provi dettaljati.

Sadanittant, l-osservaturi elettorali – fosthom l-Organisation of American States – qalu li ma sabu l-ebda rregolaritajiet fl-elezzjoni tal-Peru, waqt li l-Partit għal Peru Ħieles ta’ Castillo ukoll qed jiċħad kategorikament għall-akkużi ta’ frodi.

Fit-tieni fażi tal-elezzjoni vvutaw ‘il fuq minn 18.8 miljun ċittadin tal-Peru u li jammontaw għal 75 fil-mija tal-elettorat.

Intant, jistgħu jgħaddu l-ġimgħat sakemm ir-rebħa ta’ Castillo tkun iddikjarata uffiċjali, bl-osservaturi jaqblu li jrid jgħaddi żmien mhux ħażin sakemm l-akkużi ta’ Fujimori jkunu proċessati bis-sħiħ u l-Peru jiftaħ paġna ġdida.

Min-naħa tiegħu, Castillo – eks għalliem tal-iskola u kap ta’ union – diġà qed jiċċelebra r-rebħa u qed isejjaħ biex l-awtoritajiet elettorali ‘jikkonkludu r-riżultat favur tiegħu filwaqt li jirrispettaw ir-rieda tal-poplu’.