Lokali

Priġuniera tittieħed l-Isptar wara li nstabet mitlufa minn sensiha

Priġuniera fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ittieħdet l-Isptar Mater Dei wara li nstabet mitlufa minn sensiha fiċ-ċella tagħha. Jidher li l-mara pruvat tagħhmel suwiċidju.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-mara nstabet għall-ħabta tat-tmienja ta’ dalgħodu fejn immedjatament ittieħdet l-Isptar Mater Dei. Jidher li l-kundizzjoni tagħha hija waħda stabbli hekk kif tinsab f’sensiha.

S’issa għadha ma ħarġet ebda stqarrija mill-Gvern dwar dan l-inċident.

Fi stqarrija l-Awtoritajiet tal-Ħabs qalu li l-mara kienet kontinwament taħt moniteraġġ minn Psikjatra bl-aħħar viżta seħħet fit-3 ta’ Ġunju li għadda. Fir-rapport tiegħu l-Psikjatra rrimarka li l-persuna inkwistjoni kienet qiegħdha tagħmel progress filwaqt li ma kienx sottolinjat riskju ta’ suwiċidju.

B’dan il-każ ġew infurmati l-pulizija tad-distrett filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.

Din l-aħbar tkompli tqajjem tħassib dwar il-mod ta’ kif qed titmexxa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, fejn fix-xhur li ilu jmexxi l-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli mietu 11-il persuna fil-kustodja tiegħu. Ħafna mill-imwiet baqgħu inspjegati jew inspjegabbli.

ix-xahar li għadda l-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel sett ta’ proposti dwar id-detenzjoni b’dixxiplina u b’dinjità, frott il-ħidma tal-clusters. Dawn il-proposti jindirizzaw b’mod konkret is-sitwazzjoni ta’ ffullar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li qed titqarreb lejn kollass. Tant hu hekk li bħalissa, fil-Faċilità jgħixu aktar nies minn darbtejn tal-popolazzjoni li tiflaħ.

Għal dawn l-aħħar xhur, Net News talab li jingħata permess sabiex jagħmel rappurtaġġ mill-Ħabs… iżda dan l-istazzjon ma ngħatax l-opportunità li jidħol bil-kameras tiegħu.