Għawdex Lokali Saħħa

Servizzi tas-saħħa eċċellenti għall-Għawdxin f’Għawdex stess

Partit Nazzjonalista fil-gvern qed iwiegħed impenn sħiħ li jieħu lura s-servizz tas-saħħa biex l-Għawdxin ikollhom tassew servizz eċċellenti mhux biss fis-saħħa in ġenerali imma wkoll fil-kura u s-sostenn fil-komunitá tal-anzjani, persuni b’diżabilita u dawk li jbatu bid-dimensja u diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Huwa b’dan l-għan li s-saħħa tkun wahda mil-prioritajjet ewlenin ta’ Gvern Nazzjonalista għal Ghawdex.

Dan kien il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said, mid-Deputat Kevin Cutajar u mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Josephine Xuereb.

Il-kelliema sostnew li meta Gvern Laburista biegħ l-isptarijiet lill-privat u pprivatizza l-qasam tas-saħħa, ċaħħad lill-Għawdxin minn servizz tas-saħħa li jixraq lill-poplu Għawdxi f’pajjiż modern. Il-wegħdi ta’ investiment u titjib fis-servizz ma twettqux u l-Għawdxin tilfu l-kontroll fuq is-servizz tas-saħħa f’Għawdex. Kif ħareġ ċar mir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali, din il-privatizazzjoni wasslet biex il-poplu spiċċa jħallas aktar biex ħa lura anqas.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta għaxar proposti:

  1. Is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex jerġgħu lura f’idejn l-Għawdxin
  2. Sptar Ġenerali ġdid modern u attrezzat għall-Għawdxin
  3. Jinżammu l-ħaddiema kollha ta’ Steward Healthcare u jkunu integrati fl-isptar u s-servizz il-ġdid
  4. Żieda ta’ għoti ta’ aktar tipi ta’ chemotherapy fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-Għawdxin
  5. Servizz ġdid ta’ MRI fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
  6. Helipads suffiċjenti fuq l-isptar ġenerali ta’ Għawdex u fuq Mater Dei għat-trasferiment b’emerġenza ta’ pazjenti minn Għawdex għal Malta
  7. Kura u sostenn fil-komunitá għall-anzjani bil-ftuħ ta’ ħames djar għall-anzjani f’ħames lokalitajiet differenti… b’dan il-proġett jitwettaq fl-ewwel leġiżlatura.
  8. Kura u sostenn fil-komunitá għall-persuni Għawdxin bi sfidi ta’ saħħa mentali.
  9. Kura u sostenn fil-komunitá għal persuni b’diżabilitá.
  10. Kura u sostenn fil-komunitá għall-persuni bid-dimensja.

Dawn il-proposti huma frott tad-diskussjoni li saret fil-cluster dedikat għal Għawdex fejn fih hemm ammont kbir ta’ proposti li se jkunu mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin.