Sport Waterpolo

Sliema u Neptunes ikomplu javvanzaw fl-Enemed Cup

Rapport: Stewart Said

Sliema Frank Salt u Neptunes komplew javvanzaw fir-raba’ edizzjoni tal-Enemed Cup b’rebħiet pjuttost faċli kontra Exiles u Valletta Izibet rispettivament. Iż-żewġ telliefa ta’ dawn il-konfronti, jinsabu telfa bogħod mill-eliminazzjoni.

SLIEMA FRANK SALT…… 14

EXILES ………………………… 6

(2-0), (3-0), (6-1), (3-5)

Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra Sliema Frank Salt komplew javvanzaw fil-kompetizzjoni b’rebħa li fiha urew is-superjorità tagħhom. Is-Slimiżi kienu kompatti fid-difiża u nnewtralizzaw l-attakki tal-avversarji, b’Exiles ikollhom logħba kwieta. Nicholas Bugelli kien nieqes għal Sliema.

Bidu pożittiv minn Sliema li kisbu vantaġġ doppju permezz ta’ John Brownrigg u Matthew Mifsud b’Matthew Castillo jsalva penalty ta’ Jerome Gabarretta. L-andament fit-tieni sessjoni baqa’ l-istess, b’Sliema jkabbru l-vantaġġ bi stil filwaqt li baqgħu sodi fid-difiża. Doppjetta ta’ Zach Mizzi b’konklużjonijiet mil-lemin u gowl tipiku ta’ Jerome Gabarretta.

Il-vantaġġ ta’ Sliema kompla jikber u kien biss fl-aħħar sekonda tas-sessjoni li Exiles irnexxielhom isibu x-xibka għall-ewwel darba b’gowl ta’ Philip Paris. Fl-aħħar sessjoni Exiles irnexxielhom jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli, bil-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric jieħu l-opportunità biex ikompli jagħmel ir-rotazzjoni fl-iskwadra.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), M. Demarco, R. Greco, M. Meli (1), B. Cachia (1), N. Schiavone (1), M. Mifsud (2), J. Brownrigg (2), D. Rizzo, Z. Mizzi (5), S. Azzopardi, Z. Sciberras, K. Borg, J. Saliba

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap (1), P. Paris (1), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti (1), N. Paris (1), J. Bajada, M. Aquilina (1), D. Fenech, G. Borg, E. Micallef

Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan

NEPTUNES………………….. 12

VALLETTA IZIBET…………. 4

(4-3), (1-0), (3-0), (4-1)

Neptunes urew is-superjorità tagħhom anki jekk mingħajr Stevie Camilleri u l-imweġġa’ Jordan Camilleri. B’din ir-rebħa huma għaddew għar-rawnd li jmiss, bi prestazzjoni kollettiva. Valletta fin-nuqqas tal-gowlkiper regolari Ryan Sciortino, kellhom bidu sodisfaċenti iżda battew aktar ma għadda l-ħin.

Bidu b’saħħtu għal Neptunes li kisbu vantaġġ doppju b’gowls ta’ Michael Spiteri Staines u Gabriel Pace. Reazzjoni minn Valletta li ġabu d-draw permezz ta’ Niki Lanzon u Michele Stellini. Neptunes irnexxielhom itemmu s-sessjoni gowl minn fuq wara li Edward Aquilina kien għamel l-iskor 3-3 momentarjament. Jeremy Abela skorja t-tieni gowl personali u l-uniku wieħed fit-tieni sessjoni biex għen lil Neptunes jidħlu jistrieħu 5-3.

It-tim ta’ Jovan Popovic aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni. Huma ħadu vantaġġ minn diversi konklużjonijiet żbaljati tal-Beltin u fl-istess waqt kabbru l-vantaġġ għal 8-3 b’gowls minn penalty ta’ Jake Muscat, Jeremy Abela u Alec Fenech. L-aħħar sessjoni kienet formalità, b’Valletta donnhom jaqtgħu qalbhom filwaqt li ż-żgħażagħ ta’ Neptunes komplew jispikkaw bi plejers bħal Sam Gialanze u Alec Fenech iniżżlu isimhom fost l-iskorers.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), L. Calleja, G. Pace (2), S. Busuttil, J. Spiteri Staines, M. Farrugia, M. Castillo, J. Abela (3), M. Spiteri Staines (2), A. Fenech (2), S. Gialanze (2), A. Bugeja, R. Galea, J. Cachia

Valletta: T. Micallef, P. Borg, E. Aquilina (1), M. Stellini (1), A. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit (1), N. Zammit, N. Lanzon (1), R. Sciortino, K. Tanti, M. Mannino

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa

Sirens v San Ġiljan         6.45pm

Is-Sibt

Valletta v Marsaskala     5.00pm

Sliema v Neptunes          6.05pm