Lokali

Żagħżugħ ta’ 16-il sena jsofri ġrieħi gravi wara li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari

Żagħugħ ta’ 16-il sena mill-Fgura weġġa’ gravi wara li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax f’residenza privata li tinsab fi Triq Kampanella.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li ż-żagħżugħ weġġa’ meta waqa’ madwar żewġ sulari minn fuq bejt ta’ residenza. Fuq il-post issejħu membri mill-Protezzjoni Ċivili sabiex joħorġu lill-vittma mir-residenza, kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna fejn ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.