Internazzjonali

Żvizzera: Summit sinifikanti bejn Biden u Putin f’Ġinevra

L-Istati Uniti u r-Russja qablu dwar ir-ritorn tad-diplomati ta’ xulxin li fil-ġimgħat preċedenti kienu mkeċċijin mill-pajjiżi rispettivi, fost il-kriżi attwali fir-relazzjonijiet bejn Washington u Moska. Dan qed jitqies fost l-aktar żviluppi konkreti li ħarġu minn summit sinifikanti, fl-Iżvizzera, bejn il-President Amerikan Joe Biden u l-President Russu, Vladimir Putin.

Intant, il-mexxejja ftehmu wkoll li jerġgħu jibdew it-taħditiet kruċjali, fuq livell bilaterali, għall-kontroll tal-armi. Fl-istess ħin kien hemm ftehim bejn Biden u Putin biex huma jaħdmu flimkien fl-interessi tas-sigurtà fis-settur ċibernetiku  u biex iħarsu l-istabbilità fuq livelli strateġiċi.

It-taħditiet – li saru f’Villa La Grange, f’Ġinevra – kienu mfissra bħala kostruttivi u kienu anki l-ewwel għal Joe Biden ma’ Putin mindu hu laħaq President tal-Istati Uniti. Il-Mexxej Amerikan, minn qabel, qal li kellu jħares akkost ta’ kollox l-interessi ta’ pajjiżu anki jekk ma jridx li r-relazzjonijiet mar-Russja jaqilbu għall-agħar.

Qabel is-summit ta’ Ġinevra, l-Istati Uniti għamlitha ċara li Biden kellu jistabbilixxi ‘il-limiti u kriterji li għandhom ikunu rispettati mir-Russja għal aktar stabbilità fuq livell internazzjonali’. Dan meta fl-aħħar snin, ir-Russja kienet akkużata dwar indħil fil-politika ta’ pajjiżi oħra (speċjalment tal-Istati Uniti) fost allegati kampanji għal diżinformazzjoni, intimidazzjoni u tfixkil ta’ Stati meqjusa bħala avversarji ta’ Moska.

Min-naħa tiegħu Putin, li kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet dritt wara s-summit, tenna li r-Russja ‘ipprovdiet informazzjoni dettaljata’ lill-Istati Uniti dwar allegati attakki ċibernetiċi kontra l-interessi tal-Amerikani waqt li tenna li ‘l-Amerikani ma wieġbux għall-offerta ta’ Moska’. Hu sostna li s-cyber space hu importanti ħafna għaż-żewġ pajjiżi, fost referenzi għal attakk riċenti fuq pipeline taż-żejt fl-Istati Uniti u attakk fuq sistema tas-saħħa fir-Russja.

L-arrest u priġunerija (fir-Russja) tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny kienu wkoll trattati fis-summit u Putin sejjaħ biex il-media titratta l-każ b’sens ta’oġġettività. Hu qal li Navalny ‘kien jaf li kiser il-liġi fir-Russja iżda minkejja kollox, hu mar lura xorta ( fir-Russja) għaliex xtaq li jispiċċa arrestat’.

Il-każ ta’ Navalny ilu żmien iħasseb lill-Istati Uniti u l-Punent wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, xhur ilu, salva bi ftit minn attentat fuq ħajtu b’kimika velenuża u li dwaru qed ikunu akkużati s-servizzi sigrieti tar-Russja.

Intant, Putin fisser lil Joe Biden bħala ‘statista ta’ esperjenza’ u qal ukoll li hu ‘politiku differenti ħafna mill-eks President Amerikan, Donald Trump’. Dan waqt li Putin indika li jista’ ikun hemm ‘il-kompromessi’ dwar skambju ta’ priġunieri bejn pajjiżu u l-Istati Uniti, iżda mingħajr ma pprovda d-dettalji.

Kumment partikularment sinifikanti kien dwar l-istabbilità nukleari, bi Vladimir Putin jgħid li pajjiżu u l-Istati Uniti għandhom jevalwaw mill-ġdid il-bidliet għat-trattat ‘New Start’ għall-kontroll tal-armi. Il-President qal, intant, li pajjiżu u l-Istati Uniti t-tnejn huma responabbli għall-istabbilità nukleari fuq livell strateġiku.

Fl-aħħarnett, il-President Russu qal ukoll li wara t-taħditiet ma’ Biden, hu ‘qed jara xaqq ta’ dawl’ għat-tkattir ta’ fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ potenzi.

Min-naħa tiegħu, il-President Biden, waqt konferenza separata, qal li informa lil Vladimir Putin li hu, bħala President tal-Istati Uniti, qed jaħdem għall-interessi tal-poplu Amerikan u li ma għandu l-ebda aġenda kontra r-Russja. Intant, Biden sostna li dejjem se jkun qed iressaq l-issue tad-drittijiet umani kulfejn jara li hemm bżonn li dan isir.

Hu anki indirizza s-sigurtà tas-cyber space u qal li ma jippermettix li ċerti siti f’pajjiżu jispiċċaw mira ta’ spjunaġġ jew hacking. Fl-istess ħin, Biden  tenna li r-Russja għandha ssostni l-impenn tagħha għall-istabbilità ta’ dan is-settur.

Il-Mexxej Amerikan qal li kien importanti għalih li jiltaqa’ ma’ Putin wiċċ-imb-wiċċ biex il-President Russu ma jkollux l-ideat żbaljati dwar l-intenzjonijiet tiegħu. Intant, Biden irrefera għat-‘ton pożittiv’ tat-taħditiet iżda fl-istess ħin wissa li ‘Vladimir Putin għandu jkun jaf li se jkun hemm il-konsegwenzi f’każ li r-Russja tindaħal fl-elezzjonijiet futuri tal-Istati Uniti’.

Joe Biden kompla li r-Russja għandha tiffaċċja ‘konsegwenzi devastanti’ anki f’każ li jmut Alexei Navalny, li hu s-simbolu tad-demokrazija fir-Russja.

Meta imbagħad kien mistoqsi hekk hu jistax jafda lil Vladimir Putin, il-President Amerikan qal li s-sitwazzjoni mhix daqstant dwar fiduċja iżda dwar ‘l-interessi tal-pajjiż u l-verifikazzjoni tal-limiti li ħaddieħor mgħandhux jabbuża jew jiddisrispetta’.