Lokali

“Biex ma jkollniex varjanti…ma jridx ikollna każi” – Chris Fearne

Fearne jgħid li kulħadd qed jgħir għalina...

“L-aħjar mod biex ma jkollniex varjanti f’pajjiżna huwa li ma jkollniex każi.”

Sostna l-ovvju d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-Aħbarijiet il-Ħamis filgħodu fejn saħaq li barra minn xtutna kulħadd iħares lejna u jgħir għalina….wara li ma offra ebda soluzzjoni għal qasam tad-divertiment u l-ispettaklu hekk kif kien mistoqsi għal darba darbtejn dwar is-suġġett.

Filwaqt li Chris Fearne ma spjegax jekk ir-raġel ta’ 82 sena, l-aħħar vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna, kienx infettat b’varjant jew le….huwa insista li s’issa kellna każ wieħed biss tal-varjant Indjan…iżda għal darb’oħra ma setgħax jispjega kif dan il-varjant beda jinxtered b’mod lokali u sporadiku fil-Gżejjer Maltin.

Mistoqsi għal liema raġuni hemm diversi persuni li ma jistgħux  iniżżlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin mis-sit online…Fearne farfar għal kollox fuq l-infermiera u saħaq li dan jaf ikun minħabba l-fatt li jkunu niżlu data ħażina tal-persuni. Huwa saħaq li dawn il-persuni konċernati għandhom jirċievu ċ-ċertifikat b’mod manwali… madanakollu falla milli jispjega kif.

Intant matul il-konferenza ġie ċċarat li tfal li jkunu msifrin u li għandhom bejn 6 u 11-il sena għandhom jaraw fejn se jagħmlu PCR swab test barra minn xtutna qabel ma jidħlu lura Malta. Dan ikkonfermah il-Ministru Fearne fejn spjega li mal-wasla tagħhom fil-pajjiż għandhom jippreżentaw PCR test li m’għandux aktar minn 72 siegħa.

Mistoqsi jekk waqt il-btala dawn it-tfal għandhomx joqgħodu kwarantina sakemm joħroġilhom ir-riżultat…huwa spjega li għandhom jagħmluha biss la darba jkollhom is-sintomi…. għalkemm fil-verità ma jiddeċidix xi jsir fil-pajjiż fejn tkun imsiefer il-Ministru ta’ Malta…iżda sintendi il-Ministru tal-pajjiż ikkonċernat.