EURO 2020 Futbol Sport

Christian Eriksen se jkollu bżonn pacemaker

Il-Federazzjoni tal-Futbol Daniża ikkonfermat li wara rakkommandazzjonijiet minn diversi professjonisti, kien deċiż li jitwaħħal pacemaker f’qalb Christian Eriksen, wara l-attakk tal-qalb li sofra nhar is-Sibt li għadda. Eriksen se jkollu bżonn il-pacemaker hekk kif kellu problemi fir-ritmu li bih tħabbat qalbu.

Sadanittant, l-istess Federazzjoni qalet ukoll li Eriksen aċċetta li jsirlu dan l-intervent, filwaqt li appellaw lill-pubbliku biex jirrispettaw il-privatezza ta’ Eriksen u l-familja tiegħu.

Eriksen kellu bżonn madwar 13-il minuta ta’ CPR wara li kkollassa fil-partita mill-Euro 2020 kontra l-Fillandja, fejn wara t-testijiet mediċi li sarulu ġie stabbilit li sofra attakk tal-qalb.

Għalissa, għadu mhux stabbilit jekk Christian Eriksen hux se jkun qed jirritorna fil-ground anke minħabba dan l-intervent li se jsirlu. Simili għal każ ta’ Eriksen, il-plejer tal-Olanda Dailey Blind attwalment jilgħab b’pacemaker ma’ qalbu li jsegwi ir-ritmu tal-qalb.

Għalkemm Dailey Blind ma kienx sofra attakk tal-qalb, kien stabbilit li għandu infezzjoni fil-muskoli tal-qalb, wara li ħassu stordut waqt partita tal-futbol.