Lokali Qorti

Etjopjan mixli b’serq ta’ apparat elettroniku u flus kontanti

Raġel mill-Etijopja residenti fil-qasam Industrijali ta’ Ħal Far ġie mixli quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li wettaq serq  ta’ appartat elettroniku li jinkludu mobajls, lap top u ammonti ta’ flus minn karozzi f’Raħal Ġdid u Tas-Sliema f’temp ta’ jumejn. B’kollox il-valur tas-serq jaqbeż l-4,000 ewro.

Nasir Musbah Ali, ta’ 22 sena wieġeb mhux ħati li fis-7 ta’ Ġunju bejn l-10.00 a.m. u l-10.30 a.m. seraq mobajl u flus kontanti li jlaħħqu it-350 ewro. Huwa ġie mixli wkoll li l-għada bejn is-7.00 a.m. u t-8.00 a.m. minn Tas-Sliema seraq appartat elettroniku li jinkludi lap top u oġġetti oħra li jaqbżu l-valur ta’ 3,330 ewro, liema serq huwa aggravat.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Ali mill-avukat difensur Yanika Bugeja u għaldaqstant l-akkużat intbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Colin Sheldon, Leeroy Balzan Engerer u Sarah Kathleen Zerafa.