Lokali

Il-kaos qrib l-ajruport kaġun ta’ inċident tat-traffiku li ħalla raġel bi ġrieħi

Ritratt: Arkivji

Il-kaos li qed ikun hemm mar-roundabout tal-ajruport wassal għal inċident tat-traffiku li ħalla raġel b’xi ġrieħi.

Aktar kmieni dalgħodu persuni li kienu fl-akkwati tar-roundabout tal-ajruport kienu xhieda ta’ inċident kaġun tal-kaos li qed jinħoloq ta’ kuljum f’din iz-zona partikolari. Filfatt f’din il-parti tal-pajjiż qed jinġema’ ħafna traffiku li jkun sejjer f’direzzjonijiet differenti.

Iz-zona madwar l-ajruport qed tkun milquta minn ħafna traffiku

Kaġun ta’ dan dalgħodu raġel kellu jingħata assistenza medika għal ġrieħi li ġarrab meta ntlaqat minn karozza hu u jsuq il-mutur tiegħu.

Jidher li sforz il-ġenn li kien hemm, is-sewwieqa tal-karozza ma ratx lir-raġel u tajritu bil-konsegwenza li sofra xi ġrieħi.

Persuni li waqfu jagħtu l-ewwel għajnuna talbu l-assistenza tal-Pulizija sabiex ma jintlaqtux huma mit-traffiku li kien għaddej dak il-ħin.

Bosta sewwieqa qed jilmentaw li x-xogħolijiet f’dawn it-toroq qed iwasslu għal konġestjoni kbira tul perjodi twal fil-ġurnata u għal numru ta’ inċidenti.