Bil-proposti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista mar fl-għeruq tal-isfidi għal settur important u delikat bħas-saħħa mentali għax jemmen li dan jista’ jitjieb biss jekk inħarsu lejh b’mod ħolistiku.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Fondazzjoni Richmond, immexxija mill-Kap Eżekuttiv Stephania Dimech Sant.
Bernard Grech faħħar l-impenn tal-Fondazzjoni, li qal li taspira fiduċja u tagħmel ħafna ġid. Fil-fatt, hu anke rringrazzja lill-membri preżenti għar-reazzjonijiet pożittivi li għaddew għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan is-settur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li Gvern ġdid immexxi minnu għandu l-intenzjoni li jagħmel il-ġid, iżda wkoll li jagħti l-opportunità lill-istakeholders kollha fil-qasam tas-saħħa mentali biex jagħmlu aktar ġid.
Min-naħa tagħha, Stephania Dimech Sant qalet li hu importanti li l-partiti politiċi jinkludu lil organizzazzjonijiet bħar-Richmond fit-tħejjija tal-politika tagħhom. Dan filwaqt li apprezzat l-importanza li qed tingħata lil dan is-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Richmond qalet li s-saħħa mentali għandha tkun ikkunsidrata fid-deċiżjonijiet politiċi, bħalma jkunu kkunsidrati s-saħħa fiżika u oħrajn ta’ kull persuna.
Dan filwaqt li tajjeb inġibu quddiem għajnejna kif l-isfidi tal-ħajja jikkundizzjonaw is-saħħa mentali ta’ dak li jkun, bħall-formazzjoni tal-familja, l-impjieg, vjolenza domestika u oħrajn.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u l-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Julie Zahra.
//= $special ?>