Lokali Qorti

Il-Qorti tgħid li trid tkun infurmata jekk jinstabu l-laptops u l-‘hard drives’ ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Maġistrat li qed tisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi kontra n-negozjant akkużat li kien wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ordnat biex il-Qorti tkun infurmata jekk il-laptops u l-‘hard drives’ tal-ġurnalista maqtula, li ma nstabux mill-Pulizija xi darba jiġu traċċati.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ħarġet digriet wara talba mit-tim legali ta’ Yorgen Fenech li talbu lill-Qorti tordna l-esibizzjoni ta’ żewġ laptops u tliet hard drives li jappartjenu lil Caruana Galizia. Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li l-apparat elettroniku mitlub mid-difiża effettivament ma kienx disponibbli biex jiġi esebit fl-atti tal-kumpilazzjoni tal-provi f’dan l-istadju.

Minkejja mill-inqas żewġ talbiet oħra mill-Pulizija lill-Maġistrat Inkwirenti għall-qbid u l-preservazzjoni tal-apparat waqt l-inkjesta maġisterjali, dan ma kienx sar. Dan ma kienx minħabba xi nuqqasijiet mill-pulizija, saħqet il-Maġistrat. Peress li l-ordni mitluba mill-akkużat ma setgħetx tingħata f’dan l-istadju, u minħabba li kien evidenti li t-tagħmir ma kienx fil-pussess tal-pulizija u lanqas ma ġie maqbud u ppreservat bħala evidenza fl-inkjesta maġisterjali.

Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li tista’ biss tordna li kieku l-apparat kellu jiġi fil-pussess tal-pulizija, dan il-fatt għandu jinġieb għall-attenzjoni tagħha mill-ewwel minħabba l-importanza tiegħu. It-talba saret mill-Avukati ta’ Yorgen Fenech, li huma Marion Camilleri, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.