Lokali

Il-vittmi tal-Covid-19 f’pajjiżna jitilgħu għal 420

L-ebda persuna fl-isptar bil-Covid-19

Raġel ta’ 82 sena huwa l-aħħar vittma tal-pandemija f’pajjiżna. Dan hekk kif ir-raġel li kien pożittiv għall-virus tilef ħajtu fl-aħħar sigħat.

Il-vittma filfatt kien ħa l-virus xhur ilu u kien fieq minnu. Huwa kien tlaqqam b’mod sħiħ fix-xhur li għaddew. Madankollu r-raġel reġa’ ħa l-virus għat-tieni darba, biex din id-darba safa vittma tiegħu.

B’hekk issa pajjiżna qed jgħodd l-420 vittma tal-Covid.

Il-mewt tar-raġel tħabbret mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li tulha ħabbar ukoll li għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna, fl-isptarijiet Maltin ma hemm ħadd rikoverat bil-virus.

Fl-aħħar 24 siegħa ma kienx hemm każijiet ġodda tal-virus f’Malta filwaqt li fiequ 11-il persuna biex issa l-każijiet attivi niżlu għal 33.