Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq apparat elettroniku mill-blokka fejn jgħix

Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħal Tarxien inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li fis-27 ta’ Novembru li għadda seraq apparat elettroniku li jinkludi lap top u diversi mobajls għad-dannu ta’ persuni li joqgħodu fl-istess blokka fejn huwa jgħix.

Wayne Camilleri li joqgħod fl-appartament nunru ħamsa tal-blokka ġie mixli huwa sgassa l-appartament numru erba’ tal-blokka fejn huwa joqgħod u minn hemm l-oġġetti li l-valur tagħhom huwa ta’ 4,200 ewro. Camilleri li tressaq mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa u Mario Xiberras wieġeb mhux ħati fejn ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti fuq każ ieħor.

L-Avukat Yanika Bugeja għamlet talba għal ħelsien mill-arrest tal-akkużat li sabet oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-Prosekuzzjoni minħabba l-vittmi għad iridu jixhdu fil-każ u li dawn huma ġirien tiegħu. Ingħad ukoll mill-uffiċjali tal-Pulizija li l-fedina penali tiegħu hija waħda kkulurita minħabba li fil-passat kien instab ħati fuq reati oħra ta’ serq, u dan għal erba’ darbiet oħra.

Id-difiża qalet li l-imputat għadu meqjus bħala nnoċenti sakemm huwa jinstab ħati, u hawn qed nitkellmu fuq każ li jmur lura għas-sena 2020. L-Avukat Bugeja qalet ukoll li Camilleri għandu impieg full time u jista’ jitlef l-impieg tiegħu jekk jinżamm il-ħabs. Qalet li sa ftit xhur ilu kellu problema ta’ droga u għamel programm li rnexxa u jekk jispiċċa l-ħabs aktar issir ħsara milli ġid.

L-Avukat qalet ukoll li huwa għandu indirizz ieħor u għalhekk mhux se jkun hemm problemi li jgħix fl-istess blokka tal-allegati vittmi. Finalment qalet li jekk huwa jikser il-kundizjoni mposti mill-Qorti f’każ li jingħata l-pleġġ il-problema għalih se titrippla, għax irid jobdi għal dak li tgħidlu l-Qorti.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li rat l-akkużi li bihom qed jiġi mixli l-imputat u qieset il-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u fid-dawl tal-karattru u l-fedina penali tiegħu, teżisti wkoll il-biża li jikkommetti reati oħra u ma joqgħodx għall-kundizzjonijiet,  kieku huwa kellu jingħata l-ħelsien mill-arrest, il-Qorti għaldaqstant ċaħdet it-talba. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa u Mario Xiberras.