L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete minn dejjem insistiet li l-apparat tal-Continuous Glucose Monitoring għall-persuni bid-Dijabete Type 1 għandhom ikunu disponibbli għal kull min ibati minn din il-kundizzjoni, irrispettivament mill-età.
L-Assoċjazzjoni tisħaq dan għaliex ħafna drabi persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni jibdew jesperjenzaw sintomi marbuta mal-kundizzjoni fit-tul bħal ħsara lill-vini tal-qalb, il-moħħ u r-riġlejn u problemi fl-għajnejn, il-kliewi u s-saqajn.
Barra minn hekk il-livell ta’ stress maż-żmien jibda jogħla u sfidi finanzjarji jkomplu joħolqu aktar diffikultajiet għall-pazjent.
Ta’ spiss, ħaddiema fis-saffi l-inqas għolja tad-dinja tax-xogħol ma jkunux f’pożizzjoni li jittestjaw demmhom.
L-implikazzjonijiet finanzjarji biex wieħed ikollu CGM huma kbar. Dan jiswa tal-anqas €150 u medja ta’ €300 fix-xahar, skont it-tip ta’ apparat li jinxtara, u min ma jiflaħx jixtri dan it-tip ta’ apparat qed jispiċċa mċaħħad minnu.
Uħud minn dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni għadhom studenti u għaldaqstant mhux f’pożizzjoni li jixtru dan l-apparat.
Huwa għalhekk li l-assoċjazzjoni laqgħet tajjeb ħafna l-aħbar li wara s-suċċess tal-proġett pilota, dawn is-CGM’s se jingħataw lil dawk taħt is-16-il sena.
L-assoċjazzjoni madankollu qed tinsisti li dawn il-monitors jingħataw lil persuni kollha ta’ ‘l fuq minn 16-il sena li għandhom id-dijabete. Dan sabiex ikun hemm kontroll aħjar tal-kundizzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar dan jissarraf ukoll fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-persuni bid-dijabete u jista’ jgħin li jiġu evitati aktar kumplikazzjonijiet mediċi fl-istess persuni.
//= $special ?>