Lokali

Silvio Schembri jammetti li l-Pjan Nazzjonali tal-Irkupru għadu ma ġiex ippreżentat

Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li s’issa l-Gvern Malti għadu ma ppreżentalhiex il-pjan Nazzjonali tal-Irkupru mill-Pandemija.

Dan ġie kkonfermat permezz ta’ e-mail mibgħut lil Net News fejn ingħatat risposta ċara u tonda li le, s’issa l-Kummissjoni Ewropea għadha ma rċevietx il-pjan uffiċjali tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Konferma wkoll li wasslet mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ….illi meta kien mistoqsi minn Net News jekk il-pjan kienx ġie ppreżentat, hu l-ewwel irrisponda fil-pożittiv iżda wara ammetta li għadhom għaddejjin il-konsultazzjonijiet….dan minkejja li huwa fatt magħruf li flimkien mal-Olanda, Latvja u Estonja…l-Kumissjoni Ewropea għadha qed tistenna l-pjan tal-Gvern Malti.

Meta affaċċjat bir-risposta ċarissima tal-Kummissjoni Ewropea, tiċħad li rċeviet dokument uffiċjali mill-Gvern Malti, Silvio Schembri beda jbiddel id-diska.

Għal fini ta’ kjarezza Net News staqsa għal darba darbtejn lil Ministru sabiex jgħid b’mod ċar li, għal kuntrarju ta’ dak li pprovaw ibellgħu lill-poplu Malti u Għawdxi, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ppreżentax il-pjan ta’ rkupru lill-Unjoni Ewropea….bil-Ministru Schembri jispicca jikkonferma dan.

Sa issa mhux magħruf eżatt għal liema raġuni Robert Abela u l-Kabinett tiegħu għadu qed ikaxkar saqajh f’dan ir-rigward mingħajr data preċiża ta’ meta verament il-Gżejjer Maltin se jkollhom viżjoni teknika u dettaljata tat-triq ‘il quddiem.