Futbol Sport

Żebbuġ Youngsters jgħaddu għall-kwartifinali tal-MAFA Special League

Żebbuġ Youngsters għaddew għall-kwarti tal-finali tal-MAFA Special League meta kontra kull mistenni eliminaw lil Marsa St Michael wara l-għoti tal-penalties.

Kienet logħba ferm sabiħa bejn żewġ timijiet li kellhom jilagħbu logħba preliminari sabiex jaċċertaw posthom għal mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni.

Iż-Żebbuġin fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara tmien minuti logħob permezz ta’ Matthew Coppola. Huma ħadu kuraġġ kbir wara dan il-gowl tant li man-nofs siegħa logħob skorjaw ieħor permezz ta’ Jason Woodhead.

Marsa St Michael irrifjutaw li jċedu u tliet minuti wara Ricardo Severino naqqas il-marġni tal-iskor, bl-ewwel taqsima tintemm bl-iskor ta’ 2-1.

Il-Marsin ġabu l-iskor indaqs fit-58 minuta permezz ta’ Mohammed Telessi sabiex il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties. U hawn Żebbuġ Youngsters kienu l-aħjar tant li skorjaw permezz ta’

Okama Egbunike, Neil Borg, Jean Leon Cassar u Beppe Vella b’Matthew Coppola jfalli x-xutt mill-11-il metru.

Għal Marsa St Michael kienu fatali ż-żewġ penalties falluti minn David Azzopardi u Mohamed Telessi b’Ricardo Severino, Dillon Grech u Matthew Borg jiskorjaw il-gowls tagħhom. Ir-referee kien Jareth Grima.

Wara din il-kwalifikazzjoni, Żebbuġ Youngsters issa jiltaqgħu kontra Valletta Stars, bil-logħba tintlagħab fiċ-Charles Abela Stadium u tibda fis-6.15pm.