Sport Waterpolo

Bidu mill-aqwa jwitti t-triq għar-rebħa Ġiljaniża

L-Enemed Cup titkompla għada b'żewġ logħbiet

Rapport: Stewart Said

SIRENS MECCA MARIN……….. 5

SAN ĠILJAN MERCURY………. 11

(0-4), (1-1), (2-2), (2-4)

L-iskor finali jista’ jqarraq, forsi tħabtu aktar milli mistenni iżda finalment ħadu dak li riedu. San Ġiljan Mercury għaddew għall-fażi li jmiss tal-Enemed Cup u issa jilagħbu kontra Exiles filwaqt li Sirens Mecca Marin sfaw eliminati mill-kompetizzjoni. Sirens kellhom prestazzjoni sodisfaċenti kontra tim aħjar minnhom. Probabbli li l-akbar diżappunt għalihom hu li setgħu baqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni iżda naqsu li jiskorjaw f’mumenti importanti.

Sirens kellhom l-okkażjoni li jiftħu l-iskor iżda l-penalty ta’ Ken Erdogan ġie salvat minn Jake Tanti. San Ġiljan ħadu l-okkażjoni u kien Dino Zammit li skorja mill-ħames metri. Matthew Zammit seta’ rdoppja iżda falla minn penalty, bil-captain Ġiljaniż jirdoppja ftit wara. Dino Zammit skorja żewġ gowls oħra, l-ewwel minn kontrattakk imbagħad minn man-up veloċi.

San Ġiljan baqgħu jirbħu d-dwelli individwali u b’hekk żammew il-kontroll tal-logħba. Sirens irnexxielhom tal-anqas isibu x-xibka f’azzjoni ta’ raġel aktar fl-ilma permezz ta’ Gianni Farrugia. Dino Zammit għamel l-iskor 5-1 b’penalty ieħor lejn tmiem is-sessjoni.

It-tim ta’ Marko Orlovic daħal fil-logħba fit-tielet sessjoni bi ġmiel ta’ back hand ta’ Jerome Zerafa Gregory u penalty ta’ Matthew Sciberras. F’dan il-perjodu fallew diversi okkażjonijiet fosthom minn Jacob Sciberras u Matthias Azzopardi. Iżda gowl minn man-up ta’ Mattias Ortoleva u penalty ieħor ta’ Dino Zammit għamlu l-affarijiet diffiċli għat-tim minn San Pawl il-Baħar.

Fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan irnexxielhom ikabbru l-vantaġġ tagħhom b’doppjetti ta’ Darren Zammit u Matthew Zammit. Għal Sirens skorja Jacob Sciberras.

Sirens: O. Gauci, G. Melillo, K. Erdogan, J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (2), M. Sciberras (1), I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, L. Caruana, M. Azzopardi, G. Galea Curmi, T. Said, L. Falzon

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (3), M. Ortoleva (1), J. Bonavia, B. Plumpton, Da. Zammit (2), K. Galea, Di. Zammit (5), G. Vassallo, D. Ciantar

Referees: Ronnie Spiteri, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Għada

Sliema v Neptunes        5.00pm

Valletta v Marsaskala     6.05pm