Ekonomija Kummerċ Lokali

“Huwa kruċjali li pajjiżna jkollu governanza tajba” – Bernard Grech

“Huwa kruċjali li pajjiżna jkollu governanza tajba sabiex il-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika u l-poplu Malti u Għawdxi jkollu serħan il-moħħ li qed  jgħix f’ambjent sigur.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu minn Jes Saliba waqt konferenza virtwali organizzata mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem. Huwa għamel referenza għal dak li ħareġ aktar kmieni din il-ġimgħa fejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ħadu pożizzjoni kontra l-Gvern Malti fir-rapport tal-Financial Action Task Force (l-FATF).

Bernard Grech qal li għalkemm pajjiż ikollu suċċess ekonomiku mhux bilfors li kulħadd jimxi ‘l quddiem… kif filfatt qed jiġri f’pajjiżna. Għalhekk huwa importanti li tingħata prominenza lil aspetti oħra li jaffettwaw lis-soċjetà ħalli ħadd ma jaqa’ lura. Huwa saħaq li sabiex pajjiżna jkollu suċċess… il-bniedem irid ikun fiċ-ċentru ta’ kollox.  

Bernard Greh qal li trid tingħata iktar importanza lis-siġurtà f’pajjiżna kif ukoll lill-benesseri soċjali b’mod partikolari s-saħħa mentali. Iż-żgħażagħ Maltin qed jaffaċjaw diversi sfidi fosthom li mhux jaffordjaw jixtru l-proprjetà tagħhom minħabba l-prezz għoli tal-bini.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll fuq il-bżonn li jkun hemm bilanċ f’kollox fosthom anke fis-settur tal-kostruzzjoni u fl-ammont ta’ barranin li qed jiġu jaħdmu f’pajjiżna. Bernard Grech sostna li huwa minnu li din il-gżira tiddependi ħafna fuq is-settur turistiku iżda kulmajmur qed tinħass dejjem iktar il-ħtieġa li pajjiżna jattira turisti li jħallu iktar qliegħ meta jiġu Malta.

Huwa qal li l-PN dejjem kien ċar… li l-ambjent ta’ madwarna huwa importanti ferm u huwa għalhekk li fiċ-ċentru tal-ħidma tal-clusters politiċi hemm dan is-settur.

Bernard Grech qal li l-Gvern qiegħed hemm biex jara li min iħaddem ikun iħossu komdu jinvesti u jkabbar il-business tiegħu, għalhekk il-Gvern għandu jara li businesses għandhom pjattaforma soda fejn jistgħu jaħdmu sabiex tkun tista’ tikber l-ekonomija.

Punt ieħor li tqajjem matul din l-intervista kien li minħabba l-korruzzjoni, ħafna nies m’għandhomx serħan il-moħħ u mhux qed iħossuhom komdi b’dak kollu li qed iseħħ f’pajjiżna.