EURO 2020 Futbol Gruppi Sport

Ir-Reppublika Ċeka b’ċans tajjeb li javvanzaw

(Ritratt: EPA)

Wara r-rebħa ta’ 2-0 li kisbu fuq l-Iskozja fl-ewwel partita, r-Repubblika Ċeka se tkun qed tilgħab kontra l-Kroazja, b’ċans li b’rebħa tavvanza għall-fażi li jmiss tal-kompetizzjoni.

Għall-Kroazja din se tkun partita deċiżiva hekk kif telfa tista’ tfisser eliminazzjoni u b’hekk dan ikun ikkonsidrat bħala tournament diżastruż għat-tim ta’ Zltako Dalic wara t-telfa ta’ 1-0 fl-ewwel partita kontra l-Ingilterra.

Ir-Repubblika Ċeka mistennija jaddottaw l-istess stil tattiku li uża fl-ewwel partita, dak li jilqgħu lill-avversarji u joperaw bil-kontrattakk, bl-attakkant Patrik Schick li jinsab fl-aqwa forma tiegħu se jkun il-punta prinċipali fit-tim.

Minn naħa l-oħra l-Kroazja mistennija jkun aktar offensivi mill-partita kontra l-Ingilterra hekk kif se jkunu qed ifittxu rebħa biex iżomma ħajjin it-tamiet li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss bil-players ta’ nofs il-ground, Luka Modric, Marcelo Borzovic u Mateo Kovacic ikunu strumentali.

Dan se jkun ir-raba’ konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet hekk kif fil-konfronti preċidenti, kienu l-Kroazja li rebħu żewġ partiti, filwaqt li partita waħda ntemmet fi draw.